Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, il-forzi tas-sigurtà Sloveni bdew ipoġġu r-razor wire tul il-fruntiera mal-Kroazja. Dan fi sforz biex is-Slovenja tikkontrolla xi ftit id-dħul tal-immigranti mill-Kroazja.
Il-Prim Ministru Sloven Miro Cerar insista li l-fruntiera ma kinitx se tingħalaq imma se jkun hemm l-ostakli biex il-qsim ma jsirx daqshekk faċilment u biex l-immigranti jaqsmu minn fejn hu suppost.
Is-Slovenja hi l-ewwel pajjiż miz-zona Schengen li jippermetti vvjaġġar mingħajr passaport, li qed ipoġġi xi forma ta’ ostaklu tul il-fruntiera tiegħu. Il-Kroazja, minkejja li hi membru tal-Unjoni Ewropea, mhix membru taz-zona Schengen.
Minn mindu lejn nofs Ottubru, l-Ungerija għalqet il-fruntiera mal-Kroazja biex trażżan id-dħul tal-immigranti, dawn bdew jaqsmu mill-Kroazja lejn is-Slovenja u minn dakinhar s’issa hu stmat li daħlu fis-Slovenja mal-170,000 immigrant.
Hu qal ukoll li l-Awstrija, pajjiż bi fruntiera komuni mas-Slovenja, u destinazzjoni ewlenija tal-immigranti, se tibda tħalli biss 6,000 immigrant jaqsmu l-fruntiera kuljum. Cerar diġà qal li pajjiżu mhux qed ilaħħaq mal-ammont ta’ immigranti li qed jidħlu fis-Slovenja u din ir-restrizzjoni li se timponi l-Awstrija se tikkomplika s-sitwazzjoni u tagħmilha aktar diffiċli fuq l-istrutturi tal-pajjiż.
Dan hekk kif tal-anqas 14-il immigrant, fosthom sebat itfal, tilfu ħajjithom l-Erbgħa wara li l-lanċa li kienu qed jivvjaġġaw fuqha għerqet fil-Baħar Eġew bejn it-Turkija u l-Greċja.
Il-forzi tas-sigurtà Torok ġabru l-katavri mil-lanċa li kienet qed tivvjaġġa mill-kosta Torka ta’ Canakkale lejn il-gżira Griega ta’ Lesbos. Aktarx li dan l-inċident seħħ wara li l-lanċa ħabtet mal-blat.
B’reazzjoni għal din it-traġedja ġdida, il-President Tork Tayyip Erdogan qal li d-dinja kienet qed tħares mingħajr ma tagħmel xejn.
F’din it-traġedja kienu salvati 27 persuna, fosthom mara tqila. Ir-rotta fil-Baħar Eġew bejn it-Turkija u l-Greċja saret ir-rotta ewlenija tad-dħul tal-immigranti fl-Ewropa, fil-maġġoranza tagħhom mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan. Fit-Turkija hu stmat li hemm madwar 2.2 miljun persuna li ħarbu mill-ġlied fis-Sirja.