Lokali Unjoni Ewropea

Aġġornata: Simon Busuttil f’laqgħat ma’ numru ta’ Mexxejja Ewropej

Fl-aħħar jum tas-Summit, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kellu laqgħat ma’ diversi Mexxejja barranin.

Fost oħrajn, hu kellu laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li matulha l-Kap tal-Oppożizzjoni esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ġie ffrimat l-EU Emergency Trust Fund for Africa.

Simon Busuttil kellu laqgħat ukoll mal-Prim Ministru tal-Bulgarija Boyko Borisov u laqgħa informali oħra mal-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy. Matul il-laqgħa mal-Prim Ministru Spanjol, Simon Busuttil awguralu għall-elezzjoni li se tkun qed issir fi Spanja fi ftit tal-ġimgħat oħra.

Il-Prim Ministru Spanjol u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellmu wkoll dwar id-diskussjonijiet li kienu għaddejjin dwar l-immigrazzjoni, kif ukoll dak li kien diskuss mal-Mexxejja Afrikani.