Lokali

Cameron mhux se jibqa’ għas-summit informali tal-UE

Illum, wara li jintemm is-summit tal-immigrazzjoni, il-Mexxejja tal-UE se jkollhom laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew. Il-media Ingliża qed tirrapporta illi ghal din il-laqgħa mhux se jkun hawn preżenti David Cameron. Il-Prim Ministru Ingliz se jkun rapprezentat mill-Prim Ministru tal-Olanda Mark Rutte, minhabba li Cameron kellu jħalli Malta dalgħodu.

Ir-raġuni ewlenija hi li David Cameron ħass illi kien ikun aħjar jirritorna Londra sabiex jilqa’ lill-Prim Ministru Indjan hekk kif illum dan jibda żjara ta’ tliet ijiem fir-Renju Unit.

Dan kellu jkun l-ewwel summit Ewropew għal Cameron minn mindu l-Gvern Ingliz preżenta l-pakkett ta’ proposti lill-UE, sabiex ir-Renju Unit jerga’ jinnegozja pozizzjoni favorevoli fl-UE.

Tard ilbieraħ bil-lejl il-PM Malti Joseph Muscat ikkonferma ma’ Net News li din it-tema tas-sħubija Ingliża fl-UE kienet trattata waqt laqgħa bilaterali li huwa kellu ma’ Cameron.