Internazzjonali

Determinati ‘xorta waħda’ għal Katalonja indipendenti

Il-mexxejja tal-kampanja favur Katalonja indipendenti huma determinati li jkomplu mexjin bil-pjani biex jisseparaw minn ma’ Spanja. Dan minkejja li l-Qorti Kostituzzjonali ħadet id-deċiżjoni biex tissospendi l-proċess biex ir-reġjun inkwistjoni ma jiffurmax aktar parti mill-pajjiż.

Il-Viċi President Katalan Neus Munte qal li l-Gvern reġjonali għandu r-rieda politika biex ikompli bil-pjani bl-iskop li Katalonja ssir indipendenti fi żmien 18-il xahar.

Il-Gvern Spanjol, qabel, kien appella biex tintervjeni l-Qorti Kostituzzjonali, u din il-Qorti wissiet lill-Mexxejja Katalani li jeħtieġ li jirrispettaw id-direttiva tas-sospensjoni.

L-Ogħla Qorti, li hi bbażata f’Madrid, sostniet li l-Mexxejja Katalani jistgħu jkunu qed iwettqu ‘att ta’ diżubbidjenza’ jekk ma jimxux mad-digriet inkwistjoni.

Il-Parlament reġjonali ta’ Katalonja, nhar it-Tnejn, għadda mozzjoni biex jibda l-proċess li bih jinqata’ minn ma’ Spanja, filwaqt li stqarr ‘l-iskop ta’ indipendenza fi żmien sena u nofs oħra’. Tħabbar ukoll perjodu ta’ 30 jum biex tinbeda leġiżlazzjoni dwar Kostituzzjoni, Teżor u sistema għas-sigurtà soċjali għall-Katalani.

Nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy ħabbar li kien ressaq il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Hu fisser il-mozzjoni tal-Katalani bħala nuqqas ta’ rispett għall-istituzzjonijiet tal-istat waqt li akkuża lis-separatisti li qed jippruvaw iwarrbu d-demokrazija.