In-nuqqas ta’ infermiera fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana wassal lill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) biex tagħti diversi direttivi lill-membri tagħha.
Jirriżulta li f’dawn l-aħħar xhur, minn dan iċ-Ċentru telqu madwar tmien infermiera iżda se jiġu allokati biss tlieta. Dan filwaqt li l-ammont ta’ Kliniċi żdiedu, bil-konsegwenza li l-volum tax-xogħol żdied aktar milli jifilħu l-infermiera.
L-MUMN qalet li ma tistax taċċetta aktar din is-sitwazzjoni u għalhekk l-infermiera se jkunu qed isegwu numru ta’ direttivi industrijali mit-18 ta’ Novembru li ġej sakemm jigu allokati sitt infermiera oħra b’roster li tkopri sat-8pm.
Id-direttvi jinkludu li l-infermiera ma jagħmlu l-ebda xogħol konness ma’ pubblikazzjoni tar-riżultati tad-demm, l-iċċekkjar tal-expiry dates tal-items isir kull xahar u mhux kull ġimgħa, ma jsir l-ebda xogħol ta’ pprintjar ta’ labels mal-kampjuni tad-demm u ma jsir l-ebda ċċekkjar tal-bagalja tat-Tabib.
Direttivi oħra huma li ma jintmessux ċilindri tal-ossiġnu sakemm dawn ikunu ta’ daqs medju, ma jsir l-ebda xogħol konness ma’ ordnijiet ta’ stationery u jiġu injorati l-ħruġ ta’ karti li jkun hemm miktub fuqhom il-ħinijiet tal-breaks.
L-MUMN qalet li jekk l-ammont ta’ infermiera li llum huma awtorizzati biex jutilizzaw il-vacation leave jiġi affetwat mill-Management minħabba dawn id-direttivi, l-MUMN ikollha tħarrax u żżid direttivi industrijali oħra li jwaqqfu għal kollox il-ħidma taċ-Ċentru tas-Saħħa.
//= $special ?>