It-tliet darbiet Champion tad-dinja tal-Formula 1 Lewis Hamilton kien involut f’inċident tat-traffiku f’Monaco t-Tnejn.
Is-sewwieq ta’ 30 sena qal li “kellu kuntatt żgħir” ma’ karozza li kienet ipparkjata imma ħadd ma weġġa’.
Hamilton kien ippospona sal-Erbgħa l-vjaġġ tiegħu lejn il-Brażil fejn fi tmiem din il-ġimgħa se jsir il-GP tal-Brażil, fuq parir mediku minħabba li kellu d-deni.
Is-sewwieq tal-Mercedes kiteb fuq Instagram “Qed inħossni aħjar u bħalissa tiela’ fuq l-ajruplan.”
Meta spjega l-inċident li kellu, is-sewwieq Brittanniku qal, “Għalkemm finalment m’hu fl-interess ta’ ħadd, hemm nies li jafu l-pożizzjoni tiegħi u se jippruvaw jieħdu vantaġġ minn dan. Imma mhix problema. Ħadd ma weġġa’ u dan hu l-aktar importanti. Imma l-karozza ovvjament ġarrbet ħsarat u dan meta kelli kuntatt minimu ma’ karozza pparkjata. Qed ninformakom għaliex inħoss li kulħadd jagħmel żball u kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà. Żbalji jiġru lil kulħadd imma l-importanti li nitgħallmu minnhom u nikbru. Issa qed nistenna bil-ħerqa l-GP tal-Brażil.”
Hamilton li qatt ma rebaħ f’Interlagos, rebaħ it-tielet titlu mondjali tal-Formula 1 waqt il-GP tal-Istati Uniti x-xahar l-ieħor. Madankollu spiċċa t-tieni wara Nico Rosberg fil-GP tal-Messiku fil-bidu tax-xahar.
//= $special ?>