It-tim Nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena ġarrab it-tieni telfa konsekuttiva fil-mini turnament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li qed isir f’Malta meta kien megħlub mid-Danimarka 3-0.
Wara t-telfa 3-1 kontra Iżrael nhar it-Tlieta l-kowċ nazzjonali David Nascimento kien sfurzat jibdel il-gowlkiper Jamie Azzopardi li kien sospiż wara li tkeċċa u floku lagħab il-gowlkiper ta’ 17-il sena Timothy Aquilina.
Id-Daniżi kienu ġejjin minn draw 1-1 fl-ewwel logħba kontra l-Iżlanda.
Wara 21 minuta t-tim Malti sab ruħu gowl minn taħt skorjat minn penalty ta’ Mikkel Deulund wara li l-captain Jake Grech mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Minn hawn id-Daniżi ħadu kontroll assolut u qatt ma kienu mhedda.
Fit-tieni taqsima Nascimento għamel xi bidliet imma mas-siegħa logħob kien Mads Thychosen li rdoppja b’lob tajjeb. Minuta biss wara reġa’ kien Deulund li skorja t-tieni gowl personali għal 3-0 wara azzjoni personali.
Sat-tmiem it-tim Malti pprova reazzjoni imma din kienet wisq sterili.
Intant Iżrael ħadu kontroll tal-grupp bit-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lill-Iżlanda 4-1 biex issa għandhom punti massimi qabel l-aħħar logħba tal-Ħadd kontra d-Danimarka għal min se jirbaħ il-grupp waqt li fl-istess ħin Malta tilgħab kontra l-Iżlanda bit-tama li tevita l-aħħar post.
It-tim Malti lagħab hekk: Aquilina, Buckle, Borg (Vella), Zammit, Guillaumier, J. Grech, Corbolan, Xuereb, Friggieri, Brincat (Nwoko), Mbong (Walker).
//= $special ?>