Lokali Parlament

Il-Gvern għadu jikkontempla

Wara sentejn u nofs ta’ dan il-Gvern, il-Ministru Chris Cardona responsabbli mill-bejjiegħa tal-monti, għadu jikkontempla diversi possibbiltajiet minn fejn u kif se jopera l-Monti tal-Belt.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, iwieġeb mistoqsija li għamel ix-xahar li għadda u jgħid jekk il-Gvern huwiex jikkontempla ċ-ċaqliq tal-Monti tal-Belt lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Strada Merkanti fil-Belt – bejn Strada Teatro u Triq Melita.

Filwaqt li fit-2 ta’ Novembru li għadda l-Ministru Cardona wieġeb li l-informazzjoni marbuta ma’ din il-mistoqsija sempliċi kienet għadha qed tinġabar, fi tweġiba li ta għall-istess mistoqsija li saret għal darb’oħra dan ix-xahar, il-Ministru Cardona irrifera issa lix-Shadow Minister għad-diskors tal-Baġit li nqara mill-Gvern fit-12 ta’ Ottubru, u qal biss li għadu jikkontempla diversi possibbiltajiet minn fejn u kif jopera l-Monti tal-Belt.

Il-wiegħda li kien għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni li jċaqlaq il-bejjiegħa tal-monti lejn it-triq ma’ ġenb il-bini l-ġdid tal-Parlament fid-daħla riġenerata tal-Belt, li inkludiet ukoll ir-riabilitazzjoni tas-sit tat-Teatru Rjal, kienet qajmet kontroversja kbira.

Il-kontroversja dakinhar kienet kompliet ukoll tikber meta kienu żvelati l-bankarelli li kienu tlestew diġà fi Frar ta’ din is-sena u li kienu swew €976 kull waħda. Il-Gvern, dakinhar, ma kienx qal kemm kienu tlestew bankarelli, u kellhom jiġu mwarrba quddiem id-diżapprovazzjoni li wera l-pubbliku b’mod partikolari fuq il-midja soċjali.

Minn dik il-kontroversja ‘l hawn, minkejja wkoll li l-mira kienet li l-monti jiċċaqlaq kemm jista’ jkun malajr meta kollox kien lest biex issir iċ-ċaqliqa, il-Gvern beda jikkunsidra mill-ġdid dak li kien wiegħed, u sal-lum il-monti għadu jistenna d-destin tiegħu minn dan il-Gvern.