Kurżitajiet

Il-Monopoly tagħlaq 80 sena

Minbarra logħba futbol bejn erbat iħbieb, li wieħed jilgħab illum il-ġurnata tfisser għal ħafna li tkun bilqiegħda quddiem skrin ta’ kompjuter jew tablet jew itektku b’subgħajhom fuq smartphone.

Imma kaxxi ta’ dawk li jissejħu board games, għalkemm jistgħu jkunu miksija trab jew miġbura f’xi gwardarobba xi mkien id-dar, għal ħafna għadhom iqanqlu sens ta’ nostalġija ta’ divertiment ġenwin li jdawwal xi waranofsinhar id-dar minħabba l-maltemp.

Il-Monopoly hi fost l-iktar magħrufa mill-logħbiet ta’ dan it-tip. Ħafna xtraw l-ewwel propjetà tagħhom fit-‘toroq ta’ Londra’ mill-kumdità ta’ darhom. Ħafna tgħallmu l-kunċett ta’ riskju billi ppuntaw fuq l-ogħla toroq bħal Bond Street, u oħrajn daqu, għalkemm fil-fantasija biss, id-diffikultà taċ-ċella ħabs fil-kantuniera.

Din is-sena, din il-logħba maħbuba għalqet 80 sena. L-ewwel verżjoni ħarġet fl-Istati Uniti fid-19 ta’ Marzu tal-1935. S’issa hu meqjus li lagħbuha mal-biljun ruħ f’114-il pajjiż u nqalbet f’47 lingwa. Inbiegħu mat-350 miljun kaxxa tal-logħba, u hu stmat li mill-ewwel partita tal-Monopoly, inbiegħu mas-sitt biljun dar ħadra u iktar minn żewġ biljun lukanda ħamra. U skont il-leġġenda, ġew stampati iktar karti tad-dollari għall-Monopoly milli dollari ta’ veru.

Madwar din il-logħba nħolqu ħafna kurżitajiet, fosthom il-verżjoni l-iktar prezzjuża fid-dinja, dik li saret fl-1998, kollha deheb u ħaġar prezzjuż. Saret mill-ġojjellier Sidney Mobell u hi stmata li kellha valur ta’ €2 miljun.

Dwar din il-logħba nħoloq ukoll film, The Monopoly Story, li fl-2010 ngħata wkoll l-Emmy Award.

Kollox beda minn Charles Darrow, li ħoloq l-ewwel Monopoly ibbażata fuq il-belt tiegħu, Atlantic City. Kienet is-sena 1933, meta ħoloq prototip bl-affarijiet li sab id-dar. Mar ikellem lil Park Brothers, li rrifjutaw il-logħba u qalulu li kellu mill-inqas 52 żball minbarra l-kumplikazzjonijiet tal-logħba. Darrow ma qatax qalbu. Irreġistra l-copyright u beda jbiegħ il-logħba f’ħanut fil-belt tiegħu. Hekk kif raw li l-bejgħ kien sejjer tajjeb, Park Brothers reġgħu kkunsidraw l-offerta ta’ Darrow u xtraw id-drittijiet mingħandu. Is-suċċess kien immedjat, bil-bejgħ ta’ 35,000 kaxxa fl-ewwel sena għall-prezz ta’ dawk li llum huma €2.

Ftit wara, id-ditta Hasbro xtrat lil Park Brothers u kienet din li tat is-suċċess globali lil-logħba. Il-verżjoni l-iktar magħrufa, li anke tintlagħab f’Malta, hi dik Ingliża, li saret fl-1936 u hi meqjusa l-ewwel verżjoni barranija wara dik Amerikana.

Għal ħafna, il-Monopoly baqgħet simbolu popolari, ta’ stil ta’ ħajja, li rreżista kull logħob diġitali minkejja l-evoluzzjoni tat-teknoloġija.