Lokali Unjoni Ewropea

L-UE l-uniku grupp ta’ pajjiżi bi pjan ta’ azzjoni quddiem il-problema tal-immigrazzjoni

Għall-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, minkejja li l-azzjonijiet quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni jistgħu jkunu fil-bidu tagħhom, l-Unjoni Ewropea hi l-uniku grupp ta’ pajjiżi li qed tipproponi u twettaq inizjattivi quddiem il-problema.

Tusk għamel din id-dikjarazzjoni meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-Valletta Summit, f’Dar il-Mediterran, indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat u miċ-Chairman tal-Economic Community of West African States u l-President tas-Senegal Macky Sall.

Donald Tusk qal li ħadd ma jista’ jimmaniġġja l-fenonimu tal-immigrazzjoni waħdu u għalhekk il-pajjiżi jridu jaħdmu flimkien. Dwar it-Trust Fund, qal li dan se jsir apparti għajnuna ta’ 20 biljun ewro lill-pajjiżi Afrikani. Tusk qal li l-Unjoni Ewropea hi determinata li tagħti alternattivi lill-persuni li jkunu se jirriskjaw ħajjithom billi jaqsmu lejn l-Ewropa.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan hu l-ewwel pass importanti u ħadd ma jistenna li dan is-Summit ikun qed joffri s-soluzzjonijiet kollha. Qal li dan hu l-ewwel pass biex issir koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika, u għalkemm il-fondi assenjati għat-Trust Fund mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problema, huma l-ewwel pass ‘il quddiem.

U ċ-Chairman tal-Economic Community of West African States Macky Sall qal li l-Valletta Summit adotta pjan ta’ azzjoni li għandu jitwettaq fil-kuntest tad-djalogu dirett bejn pajjiżi Afrikani u Ewropej. Sostna li l-kontroll tat-traffikar tal-persuni hu possibbli.