Qawwiet tal-Kurdi fit-Tramuntana tal-Iraq bdew offensiva kbira fuq Sinjar bl-iskop li jieħdu lura kontroll fuq din il-belt strateġika li spiċċat okkupata mill-militanti tal-ISIS.
L-ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti qegħdin jappoġġjaw l-offensiva. Dan meta l-kampanja militari anti-ISIS tinvolvi mas-6,000 ġellied Kurd tal-Peshmerga flimkien ma’ xi 1,500 ġellieda alleati mill-komunità tal-Jażidi u ftit mijiet ta’ gwerillieri Kurdi tal-grupp PKK.
Jekk tirnexxi l-offensiva, il-Kurdi, effettivament jistgħu jagħlqu r-rotta għat-trasport ta’ provvisti bejn Mosul, fl-Iraq u Raqqa, fis-Sirja, li huma fortizzi ewlenin tal-ISIS.
Il-belt ta’ Sinjar, viċin il-fruntiera mas-Sirja, waqgħet lill-ISIS f’Awwissu tal-2014.
Rapporti oħra, intant, qalu li talanqas 100 suldat u ġellieda tilfu ħajjithom fi ftit aktar minn 24 siegħa ġlied qalil li seħħ fit-Tramuntana tas-Sirja aktar kmieni fil-ġimgħa. Dan waqt li qawwiet li qed jappoġġjaw il-Gvern Sirjan waslu fl-inħawi ta’ bażi tal-ajru li kienet ilha taħt assedju mill-militanti tal-ISIS. Is-Syrian Observatory for Human Rights ibbażat fir-Renju Unit qal li l-maġġoranza tal-maqtula kienu ġellieda tal-ISIS, bil-mejtin jinkludu wkoll truppi tal-Gvern Sirjan u xi alleati.
//= $special ?>