Futbol Sport

Rifjutata l-kandidatura ta’ Bility

Musa Bility tal-Liberja tneħħa minn kandidat għall-presidenza tal-FIFA wara l-eżami ta’ integrità li sar fuq il-kandidati kollha.

Il-FIFA approvat ħamsa mill-kandidati Presidenzjali l-oħra hekk kif il-kap tal-UEFA Michel Platini li jinsab sospiż, ukoll ma kienx inkluż.

Platini jista’ jkun inkluż fil-lista jekk is-sospensjoni tiegħu tintemm qabel l-elezzjoni fi Frar.

Il-prinċep Ali bin al-Hussein, Jerome Champagne, Gianni Infantino, x-Sheikh Salman bin Ebrahim al-Khalifa u Tokyo Sexwale kienu kollha approvati.

Il-FIFA qalet li mhux se tagħti r-raġuni tal-esklużjoni ta’ Bility. Il-President tal-FA tal-Liberja li għandu 48 sena jista’ jisfida din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv.

Bility iżda qal li ġie eskluż minħabba sospensjoni ta’ sitt xhur li kellu fl-2013 mill-Konfederazzjoni tal-Futbol Afrikan talli għamel użu minn dokumenti kunfidenzjali waqt li pprova jibdel ir-regolamenti tal-elezzjoni fi ħdan l-istess organizzazzjoni.

L-elezzjoni se ssir biex jinstab suċċessur tas-sospiż Sepp Blatter li jinsab taħt investigazzjoni kriminali. L-Iżvizzeru ta’ 79 sena, f’Ġunju ħabbar li kien se jwarrab meta l-FIFA kienet fiċ-ċentru ta’ skandlu ta’ korruzzjoni.

Il-FIFA u l-prosekuturi qed jinvestigaw pagament li sar fuq ‘ftehim tal-ħbieb’ fl-2011 għal xogħol li Platini kien għamel bħala konsulent ta’ Blatter disa’ snin qabel.

Iż-żewġ akkużati qed jiċħdu li għamlu xi ħaġa ħażina u qed jappellaw kontra sospensjoni ta’ 90 ġurnata.

Il-kandidati li fadal s’issa huma:
Il-Prinċep Ali bin al-Hussein ta’ 39 sena, President tal-FA tal-Ġordan
Jerome Champagne ta’ 57 sena, eks membru tal-eżekuttiv tal-FIFA
Gianni Infantino ta’ 45 sena, Segretarju Ġenerali tal-UEFA
Michel Platini 60 sena, President tal-UEFA u Viċi-President tal-FIFA (għadu mhux konfermat)
Ix-Sheikh Salman bin Ebrahim al-Khalifa, 49 sena President tal-Konfederazzjoni Asjatika
Tokyo Sexwale, 62 sena, eks Ministru tal-Gvern fl-Afrika t’Isfel.