Lokali

Summit mat-Turkija lejn l-aħħar ta’ Novembru

Deċiżjoni tal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li saret f’Malta

L-Unjoni Ewropea se tkun qed tiltaqa’ mat-Turkija f’Summit li mistenni jsir lejn l-aħħar ta’ Novembru jew inkella bidu ta’ Diċembru.

Dan ġie deċiż waqt laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li saret f’Malta fi tmiem il-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ġabret flimkien lill-Kapijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

L-aħbar ingħatat l-ewwel f’Konferenza tal-Aħbarijiet konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claud Juncker fi tmiem il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew.

L-aħbar kienet ukoll fiċ-ċentru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet oħra minn mexxejja tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż Francois Hollande.

Angela Merkel min-naħa tagħha fissret l-importanza ta’ dan is-Summit sabiex ikun diskuss pjan t’azzjoni mat-Turkija. Din is-sena s’issa, għaddew aktar minn 300,000 immigrant illegali mit-Turkija biex qasmu l-fruntieri għal ġol-Ewropa.