Friday the 13th għal ħafna jfisser superstizzjoni u biża’ mill-isfortuna, tant li hu magħruf ukoll bħala Black Friday.
Mhux magħruf eżattament għaliex din il-ġurnata hi marbuta mal-biża’ iżda studjużi jassoċjawha ma’ numru ta’ episodji fl-istorja … fost l-oħrajn b’tema reliġjuża hekk kif fl-aħħar ċena kien hemm 13-il persuna u Ġesù miet l-għada, il-Ġimgħa.
Anke’ fil-kotba nsibu din il-ġurnata assoċjata mal-isfortuna fi Friday the 13th, fost l-oħrajn fil-bijografija ta’ Henry Sutherland Edwards li miet f’din il-ġurnata u jingħad li hu kien iqis il-Ġimgħa u n-numru 13 bħala simboli tal-isfortuna.
Episodju ieħor marbut ma’ din il-ġurnata seħħ fl-1307 meta ir-Re Filippu 4 ta’ Franza arresta mijiet ta’ kavallieri.
Is-superstizzjoni kompliet tinfirex fl-1907 meta ġie ppublikat il-ktieb Friday, the Thirteenth, fejn aġent finanzjarju jieħu vantaġġ mis-superstizzjoni marbuta mal-ġurnata biex joħloq paniku f’Wall Street u s-swieq finanzjarji.
Imma minkejja li din is-superstizzjoni tista’ tidher bħala xi ħaġa komika, biża’ bla ebda bażi, fil-passat saħansitra saru studji li juru li b’koinċidenza jew le, verament din il-ġurnata tidher iktar sfortunata minn oħrajn.
Fl-1993 kien sar studju mill-British Medical Journal li jindika li l-livell ta’ inċidenti tat-traffiku fir-Renju Unit fi Friday the 13th hu b’mod sinifikanti ferm ogħla minn dak fi kwalunkwe ġurnata oħra.
Fil-Fillandja, il-Gvern u l-NGOs saħansitra ddikjaraw Friday the 13th bħala l-Jum Nazzjonali tal-Inċidenti.
U skont l-Istress Management Center and Phobia Institute ta’ Asheville, North Carolina bejn 17 u 21 miljun persuna huma affettwati mill-biża’ ta’ din il-ġurnata.
Il-biża’ f’uħud instab li hi tant kbira li tbiddlilhom ir-rutina ta’ kuljum, tant li hu kkalkulat li f’din il-ġurnata jintilfu bejn $800 u $900 miljun f’kummerċ.
//= $special ?>