Kurżitajiet

Għall-bejgħ: Il-machine-gun ta’ ‘Tony Montana’ fil-film Scarface

Il-karattru tal-kriminali/baruni tad-droga Tony Montana, li ngħata l-ħajja mill-attur Al Pacino fil-film Scarface, jibqa’ fost l-aktar personalitajiet memorabbli fid-dinja taċ-ċinema.

Sadanittant, id-dilettanti tal-films għandhom jinteressaw ruħhom bl-aħbar li l-machine-gun li kien uża Montana (Pacino) għall-aħħar xeni ta’ Scarface – u li hu jirreferi għalih bħala ‘my little friend’ – għadu kemm tpoġġa għall-bejgħ.

Fil-fatt, Pacino – magħruf bħala perfezzjonist – kien insista biex l-arma li kellha tintuża għall-film ikollha l-‘piż xieraq’ u, b’riżultat, intuża machine-gun ta’ veru tat-tip M16 li kien jinkludi miegħu grenade launcher. Din l-arma, issa, mistennija tinbiegħ għal 20,000 lira Sterlina.

Fl-istorja tal-film, il-karattru ta’ ‘Tony Montana’ jibda mix-xejn u jiżviluppa f’wieħed mill-aktar kriminali magħrufa fi Florida, fejn jitraffika fil-kokaina, joqtol numru ta’ gangsters rivali u jagħmel mhux ftit ta’ għedewwa.

Fix-xena finali ta’ Scarface, kap mafjuż li jsir għadu qalil ta’ Montana jibgħat armata ta’ rġiel biex joqtluh fid-dar lussuż tiegħu. Huma jirnexxilhom jidħlu f’din il-proprjetà fejn Montana jikkonfrontahom bil-machine-gun inkwistjoni waqt li jelimina numru minnhom (fost l-isparar mill-grenade launcher) qabel jispiċċa maqtul minn tiri f’dahru.

L-arma inkwistjoni ntużat ukoll mill-attur Arnold Schwarzenegger għall-film Predator tal-1987.

Iżda wara l-mewt, fl-1993, tal-attur Brandon Lee li kien intlaqat b’tir ta’ pistola aċċidentali fuq lokalità tal-films, l-Istati Uniti pprojbiet l-użu ta’ munizzjon waqt il-ġbid ta produzzjonijiet għaċ-ċinema u t-televiżjoni.