Fil-ġranet li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jippubblika d-dokument “Ekonomija għan-nies” li se jkun qed jagħti ħarsa lejn il-qagħda ekonomika u l-viżjoni politika tal-PN f’dan il-qasam.
Dan tħabbar mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil meta indirizza konferenza dwar il-ġejjieni tas-suq tax-xogħol organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-istess assoċjazzjoni.
Fost il-punti li l-PN jqis bħala ta’ importanza qawwija hum li jkun hemm rata ogħla ta’ persuni jaħdmu, titjieb fil-produttivita’ u setturi ekonomiċi ġodda ta’ valur miżjud għoli.
Simon Busuttil qal li madanakollu, hemm ostakli li għad iridu jingħelbu sabiex il-pajjiż jasal f’dan l-istadju, fosthom ir-rata baxxa ta’ nies jaħdmu, li għadha inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea u s-settur pubbliku li qed jerġa’ jikber.
Simon Busuttil qal ukoll li l-Governanza tajba, jew in-nuqqas tagħha, għandha effett fuq l-ekonomija u semma bħala eżempji l-iskandlu tal-visa u permessi ta’ residenza, il-bailout tas-sidien tal-kirja tal-Cafe’ Premier u l-garanzija bankarja ta’ €360 miljun lil Electrogas.
//= $special ?>