Hekk kif din is-sena ma naqsux inċidenti drammatiċi b’ajruplani, fosthom l-aħħar tiġrif tal-ajruplan Russu fl-Eġittu, u t-traġedja ta’ Germanwings, hawn lista l-iktar għaxar inċidenti strambi b’ajruplani jew li wasslu għall-għibien ta’ persuni.
Fl-10 post hemm l-għibien tal-Amerikana Amelia Earhart waqt li kienet qed iddur madwar id-dinja, fit-2 ta’ Lulju 1937. It-teoriji jvarjaw minn dawk li sempliċement spiċċalha l-fuel u l-ajruplan iġġarraf fil-baħar, sa dik li kienet spija ta’ Franklin D Roosevelt u nqabdet mill-Ġappuniżi. Oħrajn iqisu li Earhart waqgħet bl-ajruplan fuq gżira Ġappuniża, li mbagħad mietet hemm u ġisimha nġarr mill-granċijiet tal-baħar, waqt li oħrajn iqisu li hi rnexxielha ddur madwar id-dinja u tasal lura l-Istati Uniti imma li mbagħad biddlet isimha biex ħadd ma jsibha. It-teorija l-iktar estrema hi li nħatfet mill-aljeni.
Fid-9 post hemm l-għibien tal-mużiċista Glenn Miller, li fil-15 ta’ Diċembru tal-1944 tar mas-suldati Amerikani mill-bażi tar-RAF lejn Franza, iżda l-ajruplan b’magna waħda ma wasal qatt. Ħafna żammew mal-possibiltà li l-ajruplan spiċċa sfortunatament involut fi skambju ta’ bombi hekk kif intefgħu mal-100,000 bomba fuq il-kanal Ingliż wara li ġie abbandunat attakk fuq il-Ġermanja. .
Fit-8 post hemm l-oriġini tal-leġġenda tal-Bermuda Triangle. Fil-5 ta’ Diċembru tal-1945, sitt persuni sparixxew u taw bidu għal-leġġenda. Missjoni ta’ ħames ajruplani, immexxija minn instructor magħruf Charles Taylor, ħallew Florida imma siegħa u nofs wara nfurmaw lill-istazzjon tal-ajru li kienu ġew diżorjentati, li ma baqgħux jagħrfu dak li kien hemm taħthom u li l-kumpassijiet fuq l-ajruplani ma baqgħux jaħdmu. Mal-ewwel maltemp, l-ajruplani ġġarrfu fil-baħar u l-14-il persuna abbord tilfu ħajjithom. Iktar stramba kienet l-aħħar mit-tliet inċidenti marbuta mal-leġġenda, meta ajruplan minn diversi li nbagħtu jfittxu l-missjoni ta’ Taylor, ukoll intilef u għeb. Anke hawn, 13-il persuna ġew meqjusa mejta.
Fis-7 post hemm l-ajruplan Star Dust u l-kodiċi Morse li kien bagħat fit-2 t’Awwissu 1947. It-titjira tal-ajruplan tal-British South American Airways kienet ħalliet Buenos Aires fl-Arġentina għal Santiago fiċ-Ċile imma ma waslet qatt. Hu u għaddej minn fuq il-muntanji Andes, l-ajruplan għeb imma qabel laħaq bagħat avviż kriptat bil-kodiċi “STENDEC”. It-teoriji dwaru huma varji, minn attakk tal-UFOs għal sabutaġġ u qerda apposta ta’ dokumenti diplomatiċi fuq passiġġier. Illum, ħafna jaħsbu li l-ajruplan twaqqa’ b’valanga qawwija ta’ silġ. Star Dust instab biss 50 sena wara, meta żewġ xabbaturi tal-muntanja sabu frammenti tal-magna u fdalijiet ta’ ħwejjeġ.
Fis-6 post hemm inċident li jinvolvi ajruplan ieħor tal-BSAA, sena wara dak ta’ Star Dust. Star Tiger kien qed itir minn Azores lejn Bermuda, fit-30 ta’ Jannar 1948, għal titjira ta’ 12-il siegħa. Fuqu kellu 25 passiġġier. L-ajruplan kellu jsegwi ajruplan ieħor li kellu jevita l-maltemp hekk kif it-titjira telqet f’riħ qawwi. L-għada filgħodu, l-ewwel ajruplan wasal f’Bermuda imma dak Star Dust le. Ħafna jaħsbu li l-ajruplan sab id-destin tiegħu fil-baħar jew minħabba r-riħ qawwi inkella l-għejja tal-pilota jew ħsara fuq l-ajruplan.
Fil-5 post hemm il-misteru tat-titjiriet 191, mhux biss titjira waħda imma sensiela bl-istess numru. L-agħar inċident fl-istorja tal-avjazzjoni Amerikana kienet it-tiġrif fl-1979 tat-titjira 191 tal-American Airlines, li waqgħet minuti biss wara li ħalliet l-ajruport ta’ Chicago u qatlet il-258 passiġġier u 13-il membru tal-ekwipaġġ. Diżastri oħra jinkludu t-titjira 191 tal-ajruplan sperimentali X-15, li waqa’ fl-1967 u qatel il-pilota tiegħu, u t-titjira 191 tal-JetBlue Airways fl-2012 li matulha l-kaptan kellu dak li tqies bħala attakk ta’ paniku, u kellu jinżamm mill-passiġġieri. Xi linji tal-ajru superstizzjużi neħħew it-titjira 191 mit-titjiriet tagħhom.
Fir-4 post hemm ajruplan ieħor tal-BSAA, Star Ariel, li għeb f’titjira bejn Bermuda u l-Ġamajka fis-17 ta’ Jannar tal-1949. Kien ajruplan simili għal Star Tiger imma telaq f’ġurnata ta’ temp mill-isbaħ. Imma t-titjira kienet ikkundannata bi problemi ta’ komunikazzjoni. L-ajruplan qatt ma wasal fid-destinazzjoni tiegħu u l-20 passiġġier u ekwipaġġ abbord ġew dikjarati mejta. L-investigazzjoni kkonkludiet li l-kawża tat-tiġrif kienet mhux magħrufa imma skont direttur tal-BSAA, kemm Star Ariel kif ukoll Star Tiger kienu twaqqgħu minn persuna magħrufa għas-sabutaġġi. Kien qal ukoll li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Clement Atlee, kien ordna li l-inkjesti jingħalqu.
Fit-3 post hemm l-inċident tal-ajruplan tal-Air Force tal-Urugwaj, li fit-13 t’Ottubru tal-1972 kien qed iġorr 45 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ. Abbord kien hemm it-tim tar-rugby ta’ Montevideo u l-ajruplan iġġarraf fil-muntanji Andes minħabba l-maltemp. 12-il persuna mietu dritt, 6 oħra mietu fil-jiem ta’ wara u 8 mietu meta valanga ta’ silġ ġarret il-fdalijiet tal-ajruplan li fihom kienu qed jistkennu. 16 irnexxielhom jgħixu imma kellhom iduru għall-kannibaliżmu, jieklu fdalijiet ta’ sħabhom biex baqgħu ħajja. Instabu biss 72 jum wara meta tnejn mill-passiġġieri mxew għal għaxart ijiem u sabu persuna li avżat lill-awtoritajiet. Il-ġrajja ġiet immortalizzata fil-film tal-1993 Alive.
Fit-2 post hemm it-titjira ta’ EgyptAir 990, li ħalliet l-ajruport JFK ta’ New York lejn il-Kajr fil-31 t’Ottubru 1999. L-ajruplan iġġarraf fl-Atlantiku u qatel il-217-il persuna abbord. Kien ġie rrappurtat li l-kopilota tat-titjira, Gamil el-Batouty, kien ġie mċanfar għal imġieba sesswali ħażina, minn diriġent ta’ EgyptAir li kien fuq l-istess ajruplan. Kien qallu li din kienet se tkun l-aħħar titjira għalih, u l-kopilota wieġbu “din hi l-aħħar titjira għalik ukoll”. Iktar tard, meta l-pilota ħareġ mill-kabina biex imur fil-kamra tal-banju, mir-reġistrazzjonijiet tat-titjira tinstema’ l-vuċi ta’ el-Batouty jgħid “nafda f’Alla” qabel tefa s-sistema tal-autopilot u dderieġa l-ajruplan għall-baħar. Mir-reġistrazzjonijiet, il-kopilota jerġa’ jinstema’ jgħid l-istess frażi hu u nieżel l-ajruplan. Il-kaptan irnexxielu jidħol lura fil-kabina qabel iġġarraf l-ajruplan imma ma rnexxilux jibdillu r-rotta.
Il-quċċata tal-inċidenti strambi jew ta’ għibien hi meħuda mill-ajruplan Airbus A330 tal-Air France, minn Rio de Janeiro lejn Pariġi, li fl-1 ta’ Ġunju tal-2009 għeb waqt li kien qed itir fuq l-Atlantiku. Ir-rapport finali jgħid li l-ajruplan iġġarraf wara li nħolqu kristalli tas-silġ li ostakolaw l-ajruplan u li eliminaw is-sistema tal-autopilot. L-ekwipaġġ ipprova jerġa’ jieħu kontroll tal-ajruplan, imma ma rnexxilux u t-titjira 447 spiċċat fl-oċean. Fix-xhur ta’ wara kienu ġew irkuprati l-fdalijiet ta’ 50 persuna, u sa Mejju tal-2011 instabu l-kaxex is-suwed u l-fdalijiet ta’ 104 persuna oħra. 74 passiġġier baqgħu qatt ma nstabu.
//= $special ?>