Lokali Qorti

Sena ħabs sospiża wara li daħal Malta b’dokumenti foloz

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti tikkwota diskors tal-Papa Franġisku

Raġel ta’ 31 sena mil-Liberja nstab ħati li daħal Malta llegalment billi uża dokumenti ffalsifikati. Ir-raġel ta’ nazzjonalità Liberjana iżda residenti l-Italja, instab ħati li fit-12 ta’ Novembru li għadda uża dokumenti foloz fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ir-raġel ingħata sena ħabs sospiża għal sentejn wara li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ikkunsidrat il-fatt li r-raġel ammetta l-akkużi kontrieh, li kkopera mal-Pulizija u li għandu kondotta tajba.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud ikkwota diskors li kien sar mill-Papa Franġisku Lampedusa fl-2013, li fih kien enfasizza dwar l-importanza tal-imħabba u s-solidarjetà lejn min ikun qed ifittex ħajja aħjar ‛il bogħod mill-perikli ta’ pajjiżu.