Il-mina bejn Malta u Għawdex u l-privatizazzjoni tal-isptar t’Għawdex fost is-suġġetti diskussa
Il-mina bejn Malta u Għawdex u l-privatizazzjoni tal-isptar Ġenerali t’Għawdex kienu fost id-diskussjonijiet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu diversi mpenji f’Għawdex ilbieraħ, fejn matulhom iltaqa’ ma’ numru ta’ entitajiet f’Għawdex fosthom mal-grupp ‛Wirt Għawdex’, l-Emergency Response and Rescue Corps f’Għawdex, mal-grupp Wirt Għawdex u anke mal-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.
Mal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista iddiskuta l-mina bejn Malta u Għawdex, fosthom il-ħtieġa ta’ studji ġeoloġiċi u ekonomiċi li għandhom isiru bla dewmien.
Dwar il-privatizazzjoni tal-isptar Ġenerali t’Għawdex, Simon Busuttil fisser li hemm inċertezza dwar is-servizzi b’xejn tas-saħħa f’Għawdex u rrefera wkoll għall-inċertezza fosti l-ħaddiema fl-istess sptar.
Fiż-żjara tiegħu f’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista iltaqa’ mal-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex. Fost l-oħrajn saret ukoll attività dwar il-135 sena mit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista, bis-sehem tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi u l-Kulleġġ tal-Eks Kandidati.
Simon Busuttil iltaqa’ wkoll mal–Emergency Response and Rescue Corps f’Għawdex, li fis-sajf ta’ kuljum jgħinu 45 persuna. L-ERRC tikkumplimenta lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Pulizija f’Għawdex u l-Isptar t’Għawdex.
Simon Busuttil iltaqa’ wkoll mal-grupp Wirt Għawdex f’bini fejn fil-passat, il-Gvernatur kien imur ibiddel ħwejjġu qabel jidħol il-Belt. Wirt Għawdex nibdtet bħala ‛Ulied il-Belt il-Qadima’, grupp ta’ studenti volontiera li kienu kkonċernati b’restawr ta’ proġetti fiċ-Ċittadella. Bħalissa qed jiġi mplimentat il-master plan għaċ-Ċittadella li kien maħdum mill-Gvern Nazzjonalista.
Għaż-żjarat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, mid-Deputat Fredrick Azzopardi, kandidati u membri tal-Kumitat Regjonali.
//= $special ?>