Internazzjonali

Suspetti fil-mibgħut tan-NU għal-Libja Leon

Tqanqlu ċerti suspetti fl-eksmibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, l-Ispanjol Bernardino Leon.
Dan wara li n-‘New York Times’ żvelat li l-Emirati Għarab Magħquda kienu bagħtu kunsinni ta’ armi lill-forzi li qed jiġġieldu kontra l-Iżlamisti u fl-istess ħin offrew impjieg ta’ 50,000 dollaru kull xahar lil Leon waqt li kien qed jipprova jinnegozja ftehim.
Dawn l-allegazzjonijiet qanqlu ċerti mistoqsijiet dwar kunflitt ta’ interess fil-konfront ta’ Leon li seta’ kkomprometta l-ftehim li kien qed ikun negozjat bejn il-Gvern Libjan ta’ Tobruk u dak ta’ Tripli.
Fi stqarrija, Leon insista dwar il-bżonn li wieħed ikun kawt ħafna dwar dawn ir-rapporti u talab kjarifika mill-Emirati Għarab Magħquda filwaqt li qed jirrifletti dwar il-passi li jmiss fil-karriera tiegħu.
F’Lulju, Leon aċċetta kariga tal-Emirates Diplomatic Academy f’Abu Dabi li hu finanzjat mill-Gvern hekk kif qed jinnegozja ftehim finali għall-kunflitt Libjan. Il-ħatra tħabbret il-ġimgħa li għaddiet u r-rwol tal-Emirati fil-kunflitt Libjan ħareġ il-Ħamis fin-‘New York Times’. Intqal li l-Emirati bdiet tipprovdi l-armi biex tpatti għall-Qatar li kien qed jipprovdi l-armi lill-ġellieda Iżlamisti.
Skont rapport fil-ġurnal Amerikan, il-Morrison Commodities ibbażat fl-Emirati kiser l-embargo tal-armi kontra l-Libja. Emails oħra li kienu pubblikati wrew li kumpanija oħra mill-Emirati, Al Mutlaq Technology, xtrat b’100 miljun dollaru f’armi mill-Korea ta’ Fuq. Il-ġimgħa li għaddiet, Nouri Abusahmain, il-President tal-Gvern Libjan fi Tripli, akkuża lil Leon li ma kienx ġust fin-negozjati tiegħu.
Fil-ġranet li ġejjin, il-Ġermaniż Martin Kobler se jieħu post Leon.