Il-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu minnufih jagħti spjegazzjoni ċara dwar ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li kkundannat kif il-Gvern Malti nnegozja ma’ kumpanija waħda qabel ħarġet sejħa ta’ kompetizzjoni għax-xogħol ta’ Triq il-Kosta. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola qalet li diġa’ huwa gravi li l-Gvern Malti tellef €11-il miljun mill-bwiet tal-poplu Malti, aktar u aktar meta l-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u ma jagħtix spjegazzjoni ta’ x’ġara u ma ġarax.
Issa qed joħorġu wkoll rapporti inkwetanti li l-Gvern ikollu jirrifondi €6 miljun ewro li ntużaw fl-immodernizzar tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jekk jibqa’ għaddej bil-pjani tiegħu li jipprivatizza dawn l-Isptar.
Roberta Metsola qalet li dan ifisser li għal darb’oħra, il-Gvern qed jilgħab u jirriskja b’fondi Ewropej.
Ix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli qalet li l-Gvern qed iqarraq meta jgħid li l-poplu mhux se jitlef il-flus għax se jintużaw fi proġetti oħra. L-ewwelnett, il-11-il miljun ewro fuq Triq il-Kosta iridu jitħallsu mit-taxpayer Malti. Barraminhekk sal-lum għad ma ngħatatx lista ta’ proġetti li se jintużaw bil-€11-il miljun. Hi fakkret li għad fadal ftit iktar minn 6 ġimgħat sabiex il-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea jkun magħluq.
Marthese Portelli qalet li l-poplu Malti għandu dritt li jingħata spjegazzjoni ċara u mhux entatijiet iwaħħlu f’xulxin u jingħataw verżjonijiet differenti ta’ xi jkun ġara.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said qal li l-PN hu mħasseb mhux ftit bl-aħbar, s’issa mhux miċħuda, li l-Gvern se jkollu jirrifondi mas-6 miljun ewro lill-UE wara li l-istess Gvern iddeċieda li jipprivatizza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Chris Said qal li dan id-deal x’aktarx kien miftiehem qabel l-elezzjoni u semma tliet fatti li jagħmluh konvint li dwar dan. L-ewwelnett, din hi l-ewwel darba mill-1987 li l-qasam tas-saħħa f’Għawdex ma baqax taħt il-kontroll tal-Ministru għal Għawdex, it-tieni, il-preferred bidder intgħażel fi żmien rekord ta’ ħames ġimgħat u t-tielet, l-istess ministru wara d-deal tal-Electrogas, Konrad Mizzi, hu wara dan id-deal ta’ privatizzazzjoni.
//= $special ?>