Aktar minn 120 ruħ maqtula f’bosta attakki f’Pariġi
Il-President Hollande jgħid li dan kien att ta’ gwerra mill-ISIS
Lejl ta’ terrur fi Franza, partikolarment fil-kapitali Franċiża Pariġi hekk f’bosta attakki li seħħew kienu bosta dawk li sfaw maqtula, b’media differenti tikkwota numri differenti li iżda kollha jaqbzu l-120 ruħ u f’numri ta’ sezzjonijiet tal-media anke l-150 ruħ. Attakki ta’ sparar u bombi.
L-agħar attakk seħħ fis-sala tal-kunċerti Bataclan fejn kien kien qiegħed iseħħ kunċert tal-grupp Eagles of Death Metal, kunċert li għalih kienu nbigħu l-biljett kollha tas-sala li tesgħa madwar elf u ħames mitt persuna. Huwa maħsub li f’dan l-attakk biss huma diġa aktar minn 112 il-mejta. Xhieda li kienu preżenti waqt il-kunċert u li tkellmu fuq l-istazzjon Radio France qalu li l-attakk f’dan il-kunċert beda meta daħlu numru ta’ nies jisparaw u jgħajtu ‘Allah hu akbar’.
Post ieħor li kien fil-mira loem l-iStade de France fejn kienet qegħda tintlgħab logħba ta’ ħbiberija bejn Franza u l-Ġermanja u li għaliha kien preżenti l-President Franċiż Francois Hollande. Tlett splużjonijiet barra l-istadium wasslu sabiex il-President Franċiż nħareġ mill-istadium.
Hawnhekk spikka l-patrijotiżmu ta’ dawk li kienu fl-istadium hekk kif huma u ħerġin il-barra bdew ikantaw l-innu nazzjonali Franċiż ‘La Marseillaise’ kif jidher fil-filmat hawn taħt.
Attakki oħra seħħew qrib Place de La Republique u Place de la Bastille, żona magħrufa għall-kafeteriji, barijiet u ristoranti li f’dak il-ħin ikunu fl-aqwa tax-xogħol. B’kollox kienu madwar sitta l-postijiet li sfaw attakkati f’lejl mill-aktar mdemmi.
L-Awtoritajiet Franċiżi qed jappellaw liċ-ċittadini biex ma joħorġux mid-dar sakemm is-sitwazzjoni terġa’ tiġi taħt il-kontroll tal-Pulizija. Pariġi tinsab fi stat ta’ allarm u l-Ministri ssejħu għal laqgħa straordinarja tal-kabinett.Is-Sindku ta’ Pariġi, Ann Hidalgo, minn naħa tagħha ħabret li skejjel, mużewijiet, libreriji, swali sportivi, pixxini u swieq miftuħa kienu ser jibqgħu magħluqa għalissa. Din hija l-ewwel darba sa mit-tieni gwerra dinjija li Pariġi tinstab formalment fi stat ta’ emerġenza.
Il-President Franċiż Francois Hollande meta kien qed jindirizza lin-nazzjon, qal li se jagħlaq il-fruntiera tal-pajjiż u ħabbar li se jsiru tfittxijiet fid-djar ta’ bosta ċittadini f’Pariġi. Huwa qal li l-Franza trid tqum fuq saqajha għal darb’oħra biex dawn it-terroristi ma jirnexxilhomx iwerwru lin-nies u jimminaw il-valur tal-libertá. F’messaġġ ieħor fuq Twitter Hollande sostna li ffaċjata bit-terrur, Franza ser turi li hija pajjiż li taf tiddefendi lilha nfisha u tgħeleb lit-terroristi.
Aktar tard matul il-jum f’diskors ieħor il-President Franċiż iddeskriva l-attakk bħala att ta’ gwerra mwettaq mill-ġellieda tal-Istat Iżlamiku, l-ISIS. Huwa ddikjara wkoll li ser ikun hemm tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.
Intant f’seduta li saret fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza sabiex jiġu approvati miżuri ġodda ta’ sigurta fi Franza ġrat xi ħaġa li kienet ilha ma’ tiġri sa mill-1918. Dan hekk il-Membri Parlamentari wara mument ta’ silenzju b’mod spontanju bdew ikantar l-Innu Franċiż.
L-ewwel indikazzjonijiet jgħidu li t-terroristi involuti ġew min barra mill-pajjiż iżda jidher li kellhom għajnuna sinjifikanti min ġo Franza bl-aħħar rapporti jindikaw li fuq wieħed mill-katavri tat-terroristi nstab passaport Sirjan. L-attakki fi Franza wasslu wkoll għal sensiela ta’ arresti madwar l-Ewropa.
Intant mill-ewwel bdew deħlin ir-reazzjonijiet internazzjonali. Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li jinsab ixxokkjat b’dawn l-attakki terroristiċi u r-Renju Unit se joffri l-għajnuna kollha meħtieġa lill-Gvern Franċiż.
Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama qal li l-Gvern Amerikan se jagħmel dak kollu li huwa possibbli biex issir ġustizzja u attakki terroristiċi bħal dawn ma jsirux aktar. Enfasizza li l-poplu Amerikan jinsab qrib ta’ dak Franċiż f’dan iż-żmien ferm diffiċli.
Il-Papa Franġisku deskriva dak li ġara bħala parti mit-Tielet Gwerra dinjija u li ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni għal dak li ġara speċjalment reliġjuża.
Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, filwaqt li qalet li l-poplu Ġermaniż kien qed jibki ma’ dak Franċiż f’dan il-mument insistit li l-Ġermanja kienet se tiġġieled spalla ma spalla ma Franza kontra dawk li wettqu dawn l-attakki .
Mir-Russja, Vladimir Putin qal li dak li ġara f’Pariġi kien sfida għaċ-ċiviliżazzjoni umana u żied li issa aktar minn qatt qabel kien hemm bżonn l-għaqda vera fil-kommunita internazzjonali kontra l-għadu komuni.
Kundanna kbira mill-Kajr minn Ahmed al-Tayyeb, il-Gran Imam ta’ al-Azhar fil-Kajr, l-awtorita reliġjuża ewlenija tal-Islam Sunnita, li qal li wasal iż-żmien beix id-dinja tingħaqad u tikkonfronta dan “il-mostru”.
Ritratt: Il-ġurnali f’Pariġi dalgħodu
//= $special ?>