F’konferenza stampa f’Kastilja l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’hemm ebda theddida magħrufa fil-konfront ta’ Malta.
Dwar l-attakki terroristi f’Pariġi li l-Istat Iżlamiku qed jgħidu li kienu responsabbli għalihom, Muscat saħaq li l-awtoritajiet Maltin se jibqgħu mixjin b’mod kawtel, mhux għax hemm theddida iżda għax hemm bżonn li nkunu kawteli.
Joseph Muscat qal li mhux lest jissogra l-istabbiltà ta’ Malta u li jqiegħed fil-periklu l-ħajja tal-Maltin; għalhekk sostna li l-laqgħa taċ-CHOGM li ser issir lejn l-aħħar ta’ Novembru kien lest iħassraha jekk iħoss li b’xi mod hemm sogru ta’ sigurta reali.
Qal li l-miżuri ta’ sigurtà tal-Valletta Summit, li kellhom jieqfu f’nofsillejl u li kellhom jerġgħu jidħlu fis-seħħ mis-Sibt li ġej, se jibqgħu fis-seħħ anke matul din il-ġimgħa. Spjega li l-livell ta’ sigurtà kellu jibqa’ wieħed ogħli wara l-attakki tal-bieraħ.
Minkejja dan, filwaqt li qal li m’hemm ebda theddida għas-sigurtà ta’ Malta, appella lill-Maltin biex jekk xi ħadd jara xi ħaġa suspettuża, dan javża lill-awtoritajiet neċessarji minnufih.
//= $special ?>