“Solidarjeta’ sħiħa ma’ Franza fl-isfond ta’ attakk terroristiku ieħor. Aktar minn qatt qabel jeħtieġ li nkunu maqgħuda u determinati fil-konfront tat-terroriżmu”. Kienet din l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook b’rabta ma’ l-attakki brutali li seħħew matul il-lejl fil-kapitali Franċiża Pariġi.
Messaġġ li Simon Busuttil reġa mill-ġdid tenna permezz ta’ video wkoll fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
Atakki li ħasdu lil ħafna u waslu għal reazzjoni qawwija madwar id-dinja fosthom f’Malta b’bosta jkunu id-deputati Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra li jesprimu solidarjeta’ ma’ Franza u xokk għal attakk hekk brutali fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat li kiteb fuq il-paġna tiegħu ta’ Twitter u l-President Marie Louise Coleiro Preca li esprimiet solidarjeta’ u sogħba permezz ta’ stqarrija.
Stqarrija wkoll mill-Partit Nazzjonalista fejn il-Partit Nazzjonalista qal li kien qiegħed juri solidarjeta’ mal-poplu Franċiż f’dan iż-żmien diffiċli. Il-Partit Nazzjonalista kkundanna dawn l-attakki f’Pariġi bl-aktar mod aħrax filwaqt li offra l-kondoljanzi lil familji, ħbieb u maħbubin tal-vittmi ta’ dawn l-attakki bla sens.
Fl-isfond ta’ attakki fuq il-valuri tagħna, l-Ewropa trid tibqa’ maqgħuda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u tintensifika l-ħidma kontra l-estremiżmu sabiex it-terroriżmu ma’ jirbaħx temm jgħid il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija.
Anke l-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia fi stqarrija esprima solidarjeta’ u bgħat kondoljanzi lil familji tal-vittmi u lil membri tas-Senat Franċiż u tal-Assemblea Nazzjonali. Anke l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella ħareġ stqarrija li fiha ħabbar li huwa kien wassal messaġġ ta’ solidarjeta’ lill-Ambaxxatriċi ta’ Franza f’Malta Beatrice le Fraper du Hellen.
Reazzjoni ta’ solidarjeta’ wkoll mill-għaqdiet politiċi taż-żgħażagħ, l-MŻPN u l-FŻL kif ukoll fuq il-paġna uffiċjali tal-Knisja f’Malta.
Simili wkoll r-reazzjonijiet tal-membri Parlamentari Ewropej Maltin, David Casa, Roberta Metsola, Therese Comodini Cachia u Miriam Dalli.
Reazzjoni wkoll mill-Alternattiva Demokratika fejn fi stqarrija ċ-Chairman Arnold Cassola saħaq li ikkundanna bil-qawwa dan l-attakk fuq il-valuri Ewropej u wera s-solidarjeta’ tiegħu u ta’ l-Alternattiva Demokratika mal-poplu Franċiz, ma’ dak tal- Lebanon, vittma wkoll ta’ atti bla sens ta’ terroriżmu, u mal-vittmi kollha fid-dinja ta’ atti terroristici bla sens.
Anke t-tenur Malti Joseph Calleja fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook qal li jinstab maħsud bl-aħbarijiet terribli li ħerġin minn Pariġi. Huwa żied jgħid li hija t-tama’ tiegħu li l-Ewropa sa fl-aħħar issib vuċi waħda u tibda tgħidha kif inhi u tarmi l-koretezza politika fl-iskart fejn għandha tkun.
Taħt tista ssegwi uħud mill-ewwel reazzjonijiet f’Malta għal dawn l-attakki.
//= $special ?>