Kunsilli Lokali Lokali

Il-Viċi Sindku Laburista tal-Furjana taħt investigazzjoni

Il-Viċi Sindku Laburista tal-Furjana, Ivan Hallett, qiegħed allegatament jiġi investigat mill-puliżija b’rabta ma’każ ta’ involviment fi prodotti b’kuntrabandu. Hallett allegatament ġie msejjaħ mill-pulizija wara li saret tfittxija li kienet tinvoli ukoll lill-membri tad-dwana. Din l-istorja ġiet żvelata mill-ġurnal The Malta Independent.

Hallett imexxi l-grupp International Express Ltd li għandu flotta ta’ għoxrin vettura bi trasport regolari bejn Malta u Sqallija. Fl-2007 Hallett kien mwaqqaf mill-Awtoritajiet Taljani fi Sqallija wara li dawn provaw jiġu Malta b’merkanzija li l-Guardia di Finanza ssupetat ma’ kelliex id-dokumenti meħtieġa.

Intant l-għada li ħarġu l-ewwel rapporti fil-media dwar Hallett involviment fi prodotti ta’ kuntrabandu stqarrija mill-uffiċju tad-dwana spjegat kif tfittxija minn uffiċjali tad-Dwana mis-Sezzjoni tal-Infurzar ġo maħżen fi Blata-l-Bajda wasslet għal qabda kbira ta’ xorb alkoħoliku li fuqu ma kienetx imħallsa t-taxxa tas-Sisa.

F’din il-ħidma ġew maqbuda xejn inqas minn 2,634 flixkun liqueur, 2,280 flixkun vermouth, 2,616 flixkun vodka, 552 flixkun whisky u 26,661 flixkun inbid.

Kwantita’ kbira oħra ta’ xorb mhux alkoħoliku fi fliexken fosthom energy drinks, ice-tea u ilma ġew ukoll maqbuda sabiex jiġi kkonfermat jekk t-taxxa tas-sisa kienetx imħallsa jew dovuta.

Il-Pulizija mis-sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi kienu nformati bil-każ u marru fuq il-post. Investigazzjonijiet konġunti bejn id-Dwana u l-Pulizija għadhom għaddejjijn.

Aktar tard matul il-jum tas-Sibt Hallett ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Viċi Sindku Laburista fl-Furjana u minn membru tal-Kunsill Lokali.

Sadanittant f’ħidma oħra mill-uffiċjali tad-Dwana mis-sezzjoni tal-Infurzar, ġew maqbuda 321 hamper peress li kien fihom xorb alkoħoliku li fuqu ma kienetx tħallset it-taxxa tas-Sisa. Aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjijn ukoll.