“It-tagħrif xjentifiku prevalenti u r-riżultati miksuba lokalment fit-trattament bl-IVF s’issa juru li l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni f’Malta la hu meħtieġ xjentifikament u lanqas huwa raġonevoli.”
Din hija waħda mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ grupp ta’ esperti fil-qasam tal-mediċina, il-liġi, il-psikoloġija, il-politika soċjali, l-istudji tal-familja, l-istudji tad-diżabbiltà, il-filosofija u t-teoloġija, imqabbda mill-Konferenza Episkopali Maltija biex jipprepara studju fuq it-tibdil li l-Gvern jidher li qed iħejji biex idaħħal fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (2012). Il-grupp ikkonkluda wkoll li, fuq bażi ta’ argumenti legali, mediċi u etiċi, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni għandu jibqa’ kif inhu, għax iħares id-dinjità u l-integrità tal-embrijun uman. Barra minn hekk, l-involviment ta’ terzi persuni permezz tad-donazzjoni ta’ gameti u l-maternità surrogata se joħloq dilemmi serji.
Barra minn hekk, ma tinsab l-ebda evidenza li t-tibdil għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni huwa meħtieġ minn liġijiet tal-UE jew minħabba sentenzi riċenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Id-dokument ta’ pożizzjoni jesprimi wkoll it-tħassib tal-grupp li l-introduzzjoni tal-ittestjar ġentetiku qabel l-impjantazzjoni mhux probabbli li jkun restritt għal kundizzjonijiet fatali jew li mhux vijabbli. Minflok, huwa probabli ħafna li dan se jkun estiż biex ikopri kundizzjonijiet oħra, fejn it-testijiet ġenetiċi huma disponibbli faċilment, li jwassal għal selezzjoni, skartar u rimi ta’embrijuni.
Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu li hemm bżonn li l-adozzjoni u l-fostering jiġu mħeġġa,promossi u faċilitati minn leġiżlazzjoni xierqa, u li jeħtieġ li sostenn uman u pastorali jkun offrut lil dawk il-persuni li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jkollhom tfal tagħhom stess.
//= $special ?>