Internazzjonali Lokali

“Waħda mill-isplużjonijiet seħħet fl-entratura tal-ground li konna fih” – Maltin fi Franza

Ħriġna mill-istadium u naraw nies jiġru, biża’ u Pulizija kullimkien – Xhud

“Waħda mill-isplużjonijiet seħħet f’waħda mill-entraturi tal-ground li konna fih,” spjega Olaf Depares li kien flimkien ma’ persuna oħra ftit sekondi bogħod mill-attakki terroristiċi li seħħew qrib l-istadium ‘Stade de France’.

Ma’ Netnews.com.mt, Olaf jispjega li kien qed isegwi l-partita ta’ ħbiberija bejn Franza u l-Ġermanja meta semgħu żewġ splużjonijiet wara madwar għoxrin minuta tal-partita.

“Ħadd ma kien jaf x’inhu għaddej u f’nofs il-partita, daħlu ħafna uffiċjali tas-sigurtà u ma ħallew lil ħadd joħroġ,” spjega Olaf f’kummenti ma’ Netnews.com.mt.

Kompla “x’ħin ħriġna sibna ħafna nies jiġru bil-paniku u biża’ u Pulizija kullimkien”.

Olaf Depares spjega li kawża tal-attakki, ħafna mis-servizzi tal-metro għalqu u għaldaqstant kellhom isibu lukanda oħra għal dak il-lejl peress li ma setgħux imorru lura l-lukanda tagħhom.

Christa, li kienet ma’ Olaf, qaltilna “din hija xi ħaġa li qatt ma ħsibt li se ngħaddu minnha. Jiddispjaċini ħafna għal dawk in-nies innoċenti li tilfu ħajjithom.”