Fuq il-post tissejjaħ il-Major Incident unit
Tfajla ta’ 13-il sena u oħra ta’ 15-il sena jinsabu f’qagħda kritika, kienu fost 74 persuna li ndarbu meta sfronda poġġaman tal-ħġieġ, li jagħti għal wieħed mill-postijiet ta’ divertiment f’Paceville.
Jidher li ħafna ħarġu f’salt mill-club +1 u għalhekk kien hemm rassa kbira fuq it-taraġ, bil-konsegwenza li l-ġenb tiegħu ċeda u diversi persuni spiċċaw għal isfel fuq xulxin.
Skont rapporti mhux uffiċjali kien hemm riħa qawwija ta’ xi gass u kellhom diffikulta’ biex jieħdu nifs u kien għalhekk li dak il-ħin, għexieren ta’ persuni ħarġu f’salt mill-istabbiliment
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, u immedjatament fil-post issejħu diversi membri tal-pulizija u anke ambulanzi. Għal ħin twil, il-parti ta’ quddiem il-club kienet evakwata.
L-investigazzjonijet tal-Pulizija għadhom għaddejin u nfetħet ukoll inkjesta maġisterjali.
Waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu, il-Kap tal- Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li bħala ġenitur u missier, jinsab inkwetat ferm bin-nuqqas ta’ sigurta’ f’Paceville. “Jien missier u ibni l-kbir jiffrekwenta Paceville. Ma nistax norqod rasi mistrieħa naf bin-nuqqas ta’ sigurta’ fiż-żona,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li hemm bżonn livelli hħola ta’ standards u sigurta’ f’postijiet ta’ divertiment u fit-toroq ta’ Paceville.
F’reazzjoni ta’ dan is-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa, Chris Fearne ikkonferma li 71 persuna ndarbu f’iċident li tul dan il-lejl fil-club ta’ +1 f’Paceville. Huwa qal li l-awtoritajiet qed jaraw jekk kienx hemm xi tnixxija ta’ gass fl-istabbilment imsemmi. Infatti wieħed mit-tobba fl-Isptar Mater Dei qal li xi persuni daħlu l-emerġenza bi ħmura f’għajnejhom, pero għadu mhu xejn konfermat ir-raġuni li kkawżat dan.
Aġġornament bi stqarrija uffiċjali
Stqarrija tal-Gvern maħruġa waranofsinhar tgħid li l-midruba huma 74, b’16 jiddaħħlu fl-Isptar Mater Dei għall-kura u tnejn minnhom jinsabu f’qagħda kritika u sitta oħra li kellhom bżonn intervent kirurġiku.
Waqt żjara fl-Isptar, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-istaff mediku tal-ħidma eċċellenti li wettqu f’dawn il-ħinijiet. Dwar il-preżenza ta’ minorenni f’post ta’ divertiment f’Paceville, il-Prim MInistru qal li dan hu inaċċettabbli u għalhekk ir-regolamenti rispettivi se jkunu analizzati u mibdula fejn hu meħtieġ
Kont hemm? Ibgħatilna fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook b’dak kollu li seħħ
Filmati ta’ Clint Galea u Marcelo Bueno
//= $special ?>