Internazzjonali

Attakk li seta’ naqqas il-potenzjal tal-ISIS fil-Libja

L-ISIS jista’ jitlef mill-kapaċità li jwettaq l-iskopijiet qattiela mil-Libja f’każ ta’ konferma dwar il-qtil tal-mexxej ewlieni tiegħu f’dak il-pajjiż Għarbi.

Kelliema għall-Pentagon tal-Istati Uniti qalu li Abu Nabil, ta’ nisel Iraqi, ‘probabbilment’ inqatel waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fuq kumpless partikolari fil-belt Libjana ta’ Derna. L-attakk kien l-ewwel wieħed speċifiku tal-Istati Uniti kontra Kap tal-ISIS fil-Libja.

Nabil, magħruf ukoll bħala Wissam Najm Abd Zayd al-Zubaydi, għamel anki żmien twil bħala ‘aġent tal-moviment Al-Qaeda’.

Intant, qed jingħad li l-attakk li, x’aktarx, qatel lil Nabil, seħħ matul il-lejl tal-Ġimgħa. Kelliema għall-Pentagon sostnew li l-azzjoni wriet għal darb’oħra li l-qawwiet tal-Istati Uniti ‘għandhom jippersistu wara l-kapijiet tal-ISIS fi kwalunkwe lokalità’.

Peter Cook, rappreżentant ewlieni għall-Pentagon, qal li Nabil seta’ kien il-kelliem tal-ISIS li, fi Frar, deher qed jhedded lill-Punent fuq filmat li wera l-esekuzzjoni ta’ 21 Kristjani Kopti taħt idejn il-militanti tal-ISIS, fuq bajja tal-Libja.

Mingħajr Nabil, l-ISIS fil-Libja jista’ jitlef il-kapaċità li jirrekluta militanti ġodda u li jwaqqaf bażijiet f’dak il-pajjiż. Fl-istess ħin l-ISIS jista’ jsibha aktar diffiċli biex jippjana attakki esterni fuq l-interessi tal-Amerikani u diversi pajjiżi oħra.

L-awtoritajiet jaħsbu li Nabil intbagħat il-Libja mill-mexxej suprem tal-ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi, bl-iskop li jinnegozja alleanza ma’ entitajiet terroristiċi oħra fil-pajjiż.