Lokali

“Bdiet tgħidli li qed nifgagħha imma ma stajt nagħmel xejn” – Christ Micallef

minn Matthew Mamo

Għajjat, krib għall-għajnuna, persuni mixħuta fuq xulxin f’agunija  u jgħaffġu fid-demm ta’ xulxin.

Paceville, il-post fejn suppost hu l-mekka tad-divertiment, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu nbidel f’xena tal-biża’. Ir-rakkonti ta’ dawk preżenti huma xokkanti.

“Kien hemm tfajla quddiemi u bdiet tgħidli qed tifgani, qed tifgani imma ma stajt nagħmel xejn ovjament għax ridt ngħinha imma f’dik ir-rassa kulħadd jimbotta fuqi,” jgħid ma’ dan is-sit Christ Micallef.

“Ippruvajt ngħolliha imma għalxejn, ma stajtx għaliex ridt nitlaq jien ukoll. Ma nafx x’sar minnha,” kompla jirrakkornta Christ, waqt li b’dispjaċir jgħid li għadu ma jafx x’wassal biex rassa bħal din ippruvat toħroġ f’daqqa mill-istabbiliment imma jiftakar li beda jisgħol.

Jirrakkonta li sema’ ħafna għajjat f’daqqa waħda u kien hemm min kien qed jgħid li tefgħu xi gass. “Ma bdejtx nemminhom għall-bidu imma bdejt nisgħol u ħriġt ġirja għal barra.”

Christ spiċċa maqbud fir-rassa, b’numru ta’ persuni jagħfsu fuq saqajh sakemm ċeda l-poġġaman tal-ħġieġ tat-taraġ tal-istabbiliment. Fortunatament hu ma sofriex ġrieħi gravi.