Il-gruppi tar-rock famużi Motorhead, Coldplay u Foo Fighters segwew l-eżempju tal-grupp U2 u ħassru kunċerti li kellhom isiru f’Pariġi, b’konsegwenza tad-dmija.
Il-Foo Fighters, li suppost kellhom il-kunċerti għal-lum u għada ħassru dawn l-impenji u oħrajn li kien fadlilhom mit-tour Ewropew ‘fid-dawl ta’ din il-vjolenza bla sens’. Huma kellhom numru ta’ gigs ippreparati għal Turin, fl-Italja, u Barċellona, fi Spanja.
Il-grupp Motorhead għażlu li jipposponu l-kunċert tal-bieraħ (f’Pariġi) għal Jannar waqt li l-Coldplay ħassru live stream ta’ kunċert għad-dilettanti tal-mużika tagħhom madwar id-dinja ‘b’rispett għall-avvenimenti terribbli li laqtu lin-nies ta’ Pariġi’.
Il-membri tal-U2, li kellhom jagħtu kunċert f’Pariġi nhar is-Sibt, qattgħu dak il-lejl iqiegħdu l-fjuri qrib l-arena għall-kunċerti ta’ Bataclan, fejn it-terroristi, fil-lejl tal-Ġimgħa, qatlu 89 persuna li kienu preżenti għall-kunċert li kien qed jagħti l-grupp tar-Rock Amerikan Eagles of Death Metal.
Il-kantant tal-U2, Bono, esprima s-sens ta’ dispjaċir profond u qal li “l-attakki f’Pariġi kienu l-ewwel attakki diretti fuq il-mużika waqt din il-gwerra mat-terroristi.”
Il-grupp Amerikan Deftones, li jispeċjalizza fil-mużika heavy metal, ukoll ħassar żewġ kunċerti pprogrammati għall-bieraħ u llum fl-arena ta’ Betaclan.
//= $special ?>