L-awtoritajiet fi Franza qed ifittxu għal raġel suspettat b’konnessjoni mal-azzjonijiet terroristiċi li laqtu l-kapitali Pariġi matul il-lejl tal-Ġimgħa u li qed jissemmew bħala ‘t-tieni l-agħar azzjoni terroristika’ diretta kontra l-qalba tal-Ewropa.
Ir-raġel inkwistjoni seta’ rnexxielu jaħrab wara l-attakki. Dan wara li nqatlu seba’ mill-aggressuri – li tnejn minnhom kienu jgħixu fil-Belġju – li ħadu sehem f’sensiela ta’ attakki fuq ristoranti, sala tal-kunċerti u stadium tal-football fejn kienet għaddejja l-logħba ta’ ħbiberija bejn Franza u l-Ġermanja.
Is-sejba ta’ karozza suspettata li ntużat mit-terroristi xprunat is-suspetti li talanqas aggressur irnexxielu jiżgiċċa lill-pulizija.
Intant, komplew il-miżuri tas-sigurtà intensivi fi Franza, l-Ewropa u madwar id-dinja, bi Franza qed tirrispetta tlett ijiem luttu għall-129 persuna li tilfu ħajjithom fl-attakki tal-Ġimgħa, li ħallew ukoll mat-350 midruba. Illum sar servizz speċjali għall-vittmi tal-massakru u għan-nies li salvaw mill-attakki fil-Kattidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi.
Il-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà Franċiżi fl-aħħar sigħat sabu numru ta’ azzarini tat-tip Kalashnikov fil-karozza abbandunata u li jaħsbu li ‘kienet tat-terroristi li wettqu l-atroċitajiet f’Pariġi’. Il-vettura ta’ mudell Seat instabet f’Montreuil, li hu subborg ta’ Pariġi.
Il-grupp ISIS assuma responsabbiltà għall-attakki koordinati tal-Ġimgħa u tliet irġiel li kienu arrestati fil-Belġju nhar is-Sibt qed ikunu rappurtati bħala elementi importanti ħafna fl-investigazzjoni dwar it-terroriżmu fi Franza.
Dan meta numru ta’ xhieda qalu li wħud mill-aggressuri tal-ISIS kienu daħlu fi Franza b’karozza rreġistrata l-Belġju. Mifhum li wieħed mill-aggressuri ta’ Pariġi hu residenti fi Brussell, b’kollega tiegħu li ħa sehem fil-massakru jkun residenti fil-belt ta’ Molenbeek.
Jidher li kien hemm tliet gruppi ta’ terroristi li kkoordinaw bejniethom biex iwettqu l-istraġi f’Pariġi u l-awtoritajiet iridu jkunu jafu ‘kif huma kienu ffinanzjati’.
L-attakki tal-Ġimgħa billejl f’Pariġi huma l-agħar li qatt saru fi Franza minn wara t-Tieni Gwerra waqt li kienu l-aktar qerrieda għall-Ewropa mindu, fl-2004, splodew diversi bombi fuq il-ferroviji fl-inħawi ta’ Madrid, fi Spanja.
In-nies f’diversi bliet u pajjiżi tad-dinja sellmu lill-vittmi tat-terroriżmu fost velji ta’ talb u avvenimenti oħra. Fl-aħħar sigħat spikkaw dehriet ta’ monumenti u landmarks famużi ta’ diversi pajjiżi mixgħulin bl-ilwien nazzjonali ta’ Franza. L-avvenimenti ta’ rispett saru, fost oħrajn, fil-bliet ta’ Washington, New York, Londra, Berlin, Lisbona, Madrid, Stokkolma u Sydney fl-Awstralja.
//= $special ?>