Lokali

“Nibqa’ niftakar tfajla mgħaffġa taħt munzell nies titkarrab għall-għajnuna” – żagħżugħ dwar l-inċident f’Paceville

Żagħżugħ li xtaq jibqa’ anonimu jista’ jgħoddha b’waħda u jirringrazzja lil ħabibtu li żammitu fil-mument li ċeda l-poġġaman ta’ stabbiliment tad-divertiment f’Paceville, fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Li kieku le, hu kien ikun l-ewwel wieħed li jaqa’ għal fuq it-taraġ ta’ stabbiliment maġenbu.

“Ċeda bina l-poġġaman kollu u waqajna kollha. Kelli mill-qadd ‘l isfel nies kollha fuqi. Nies jgħajjtu. Nies jibku. Dmija mal-art. Nies mitlufin minn sensihom qishom mejtin. Litteralment qisni qiegħed fi gwerra,” jirrakkonta.

Fortunatament ħelisha ħafif, b’girfa fuq wiċċu, tbenġil, b’papoċċ imqatta’ u qmis mimlija demm. Qatta’ żewġ minuti bin-nies neżlin, il-pressa tiżdied, sakemm xi ħadd ħelsu minn taħt munzell nies.

Imma jibqa’ jiftakar xena quddiem wiċċu, ta’ tfajla mgħaffġa taħt in-nies, titkarrab imma ħadd ma jista’ jagħmel xejn.

“Rajt tfajla, niżlet fuq in-nies u n-nies niżlu fuqha. Wiċċha litteralment mgħaffeġ, litteralment tgħajjat u tibki. Dik tibqa’ flashback f’moħħi, impressjonatni,” jispjega dan iż-żagħżugħ.

Dan iż-żagħżugħ jiftakar qtugħ ta’ nifs, b’ħafna żgħażagħ jgħattu mneħirhom bil-flokkijiet; rakkont ieħor li jipponta lejn it-teorija li ġie sprejjat pepper spray fuq ġewwa.