L-awtoritajiet fi Franza, jidentifikaw wieħed mill-aggressuri terroristiċi li l-ġimgħa li għaddiet qatlu mal-129 persuna f’Pariġi.
L-investigaturi identifikaw lil Omar Ismail Mostefai, Franċiż li għandu 29 sena u huwa magħruf sew mal-Pulizija Franċiża. Infatti ismu ssemma dalgħodu fuq il-midja lokali ta’ Franza. It-terrorist ġie identifikat wara li biċċa mis-subgħa tiegħu nstab fis-sala tal-arti Bataclan.
Skont rapporti mill-media internazzjonali Mostefai kien arrestat kemm il-darba fuq numru ta’ reati iżda qatt ma ntbgħat il-ħabs. L-awtoritajiet qed jippruvaw jiskopru jekk is-sena li għaddiet huwa kienx mar is-Sirja biex jingħaqad mal-ISIS t’hemmhekk.
Is-Sala tal-Arti ta’ Bataclan hija waħda mis-seba’ postijiet li kien attakkat nhar il-Ġimgħa filgħaxija f’Pariġi.
Rapporti qalu li seba’ militanti kienu maqsuma fi tliet gruppi u x’aktarx xi wħud minnhom irnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post tal-attakki.
Aktar tard illum fil-Katidral ta’ Pariġi ta’ Notre Dame se jkun hemm servizz ta’ tifkira għall-vittmi li mietu nhar il-Ġimgħa.
Il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls qal li Franza se tkompli bl-attakki mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja. Il-Presdent Franċiż Francois Hollande ħassar l-impenji tiegħu tal-G20 fit-Turkija biex minflok jiltaqa’ ma’ mexxeja politiċi ta’ nazzjonijiet oħra biex jiddiskutu din il-kriżi li Franza u l-Ewropa qed tiffaċċja.
Intant, il-pulizija Belġjana arrestat tliet persuni li dehru jaqsmu l-fruntiera ma’ Franza u li investigaturi qed jaħsbu li huma wieħed mill-gruppi li s’issa rnexxielu jeħlisha ħafif.
//= $special ?>