minn Matthew Mamo
Jean Carl Ciscaldi kien ma’ sħabu fl-istess klabb li lbieraħ ċeda l-poġġaman tat-taraġ ta’ barra ta’ stabbiliment tad-divertiment f’Paceville, fejn ra xeni li ma jinsihom qatt.
“Rajt waħda żaqqha miftuħa. Tlajt fi klabb ieħor mill-istess gallarija, għax jinfed, u rajt ieħor f’ambulanza saqajh miftuħin, iżomm id-demm bit-tissues. Tal-biża’,” spjega lil dan is-sit l-għada tal-inċident.
Jean Carl jista’ jqis li hu fortunat li ma kienx ftit passi bogħod mill-post li ċeda. “Kont żewġ passi bogħod mit-taraġ. Naraw ir-railing jinżel u n-nies jaqgħu. Imbagħad bdew jaslu l-ambulanzi. Ħafna ġenn.”
Għad mhux konfermat x’wassal biex folla nies ippruvaw joħorġu mill-istabbiliment f’daqqa, għalkemm jidher li t-teorija li ntefa’ pepper spray ġewwa hi korroborata minn ħafna.
Is-sintomi taż-żgħażagħ, qtugħ ta’ nifs u sogħla, kif ukoll rakkonti ta’ tobba li kkuraw żgħażagħ bi ħmura f’għajnejhom, kollha jippuntaw lejn din it-teorija. Madankollu mhux magħruf min beda dan kollu.
Sadattant żewġ tfajliet, waħda minnhom li kienet għall-ewwel darba f’Paceville biex tiċċelebra għeluq is-16-il sena tagħha, għadom jiġġieldu għal ħajjithom.
//= $special ?>