- L-attakki kontra Franza ddominaw l-aġenda tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-G20 li ltaqgħu f’Antalya, fit-Turkija, għas-summit annwali tal-Presidenti u Prim Ministri tal-akbar ekonomiji tad-dinja. Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama ħalef li jżid l-isforzi biex jelimina lill-ISIS u jwaqqafhom milli jirrepetu l-azzjonijiet faħxija. Hu wiegħed li pajjiżu se jaħdem mal-Franċiżi f’kaċċa għat-terroristi li wettqu l-attakki ‘fuq id-dinja ċivilizzata’;
- Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, ħassar il-pjani li kellu biex jattendi l-laqgħa tal-G20 u fl-aħħar sigħat iltaqa’ ma’ diversi mexxejja politiċi biex jiddiskuti l-kriżi;
- Ir-rivali tal-Partit Demokratiku Amerikan li qed jittamaw li jirrappreżentaw lill-partit fl-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Istati Uniti argumentaw dwar ‘l-aħjar mod kif jikkonfrontaw lill-ISIS’ wara l-attakki fi Franza. L-eks-First Lady Hillary Clinton qalet, waqt dibattitu f’Iowa, ‘li l-ġlieda ma tistax tkun waħda Amerikana’ u ħeġġet biex it-Turkija u l-Istati tal-Golf jagħmlu aktar fil-konfront tal-ISIS. Iżda l-kandidat Martin O’Malley ma qabilx u insista ‘biex l-Istati Uniti tkun fuq quddiemnett fil-ġlieda kontra l-ISIS’;
- Il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls qal li Franza se tkompli bl-attakki tal-ajru fuq l-ISIS fis-Sirja u fisser lill-ISIS bħala għadu qalil u organizzat;
- Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Intern se jiltaqgħu b’urġenza nhar il-Ġimgħa biex jiddiskutu l-miżuri tas-sigurtà;
- Il-Home Secretary tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-qawwiet tas-sigurtà Britanniċi qed jaħdmu mill-qrib ħafna mal-awtoritajiet Franċiżi u Belġjani biex jinstabu dawk kollha li kienu involuti fl-attakki fuq Pariġi;
- Tressqu akkużi kontra raġel ta’ 41 sena minn Franza wara allert tas-sigurtà li seħħ nhar is-Sibt fl-ajruport ta’ Gatwick, f’Londra. Ir-raġel, Jerome Chauris, hu akkużat li kien fil-pussess ta’ air rifle u sikkina, bl-allert inkwistjoni jqajjem inkwiet mhux ħażin fin-North Terminal ta’ Gatwick. Chauris għandu jittella l-qorti fl-Ingilterra.