Lokali

Arrestat it-tieni żagħżugħ b’rabta mal-inċident gravi f’Paceville

Żagħżugħ ta’ 17-il sena ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-inċident ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Paceville. Dan l-arrest isegwi dak ta’ 18-il sena minn San Ġiljan, arrestat ilbieraħ, u li qed ikun akkużat li uża reċipjent tal-gass f’post magħluq u f’nofs numru ta’ persuni.

Ir-rapporti qed jgħidu li dak li allegatament għamel iż-żagħżugħ, wassal għall-inċident gravi tas-Sibt li għadda f’Paceville.

Ħafna żgħażagħ li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li kellhom joħorġu jiġru ‘l barra mill-istabbiliment kawża ta’ qtugħ ta’ nifs minħabba xi gass li kien hemm fl-arja.

Dan kollu wassal biex 74 żagħżugħ u żagħżugħa weġġgħu meta l-poġġaman tat-taraġ ċeda kawża tar-rassa li kien hemm.

Fost iż-żgħażagħ, żagħżugħa ta’ 13-il sena għadha qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, filwaqt li sitt żgħażagħ oħra għadhom l-Isptar għall-kura.