Sport

Ebda sorpriża fl-ewwel ġurnata

Fl-aħħar jiem fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin ingħata bidu għall-Kampjonat tal-Futsal sponsorjat minn Gatorade.
F’din l-ewwel ġurnata ma kien hemm l-ebda sorpriża partikolari hekk kif iċ-Champions Luxol bdew id-difiża tat-titlu li rebħu l-istaġun li għadda meta għelbu lil Sliema Wanderers 7-0.

Għat-tim minn St Andrews sabu x-xibka William Barbosa, Matthew Attard, Mark Zammit, Florin Anton, Zvezdan Vukovic, Carl Azzopardi u Glenn Bonello.

Madankollu l-partitissima tal-ġimgħa kienet dik bejn Ħamrun u Lija Athletic. Logħba bejn żewġ timijiet li qed jaspiraw li jagħmluha għall-playoffs finali.

Fl-ewwel taqsima d-difiżi bdew jannullaw lill-attakkanti rispettivi sakemm il-Brażiljan Raphinha fetaħ l-iskor ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Lija ġabu d-draw minuta wara l-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ xutt bomba tal-internazzjonali Iranjan Ebrahim Massoudi. Ftit wara dan l-istess plejer tkeċċa fuq it-tieni karta safra.

L-Ispartans bil-mod il-mod bdew jieħdu r-riedni tal-logħba f’idejhom u rnexxielhom jiskorjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ George Frendo li skorja doppjetta fi ftit minuti u gowl ieħor ta’ Raphinha sabiex aċċertaw lill-Ħamruniżi minn bidu mill-aqwa.

Valletta wkoll kellhom debutt pożittiv fil-Kampjonat meta ddominaw u għelbu lil Sirens 11-0.

Il-Beltin bdew joħolqu ċans wara l-ieħor u rnexxielhom jiskorjaw permezz ta’ doppjetti kull wieħed għal Denis di Maio, Daniel Brincat, Dylan Musu u Liam Cachia filwaqt li Cristian Cuadros Silva, Jurgen Pace and Melvin Borg żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Bidu tajjeb ukoll għall-Imsida li għelbu lil Żebbuġ 9-2 filwaqt li Mdina Knights rebħu lil Gozo FC 5-0.
Fid-derby bejn żewġ ġirien Mqabba għelbu lil Qrendi 8-7 filwaqt li Swieqi rreġistraw riżultat ta’ 6-4 fuq Marsaskala.