Lokali Parlament

Evidenti n-nuqqas ta’ preżenza tal-Pulizija f’Paceville

Filmat wera li għal seba’ minuti sħaħ ma kienx hemm Pulizija

Filmat li ntwera fuq il-media soċjali juri li nhar is-Sibt f’Paceville kien hemm nuqqas ta’ preżenza tal-Pulizija. Għal seba’ minuti sħaħ, il-filmat wera li ma kienx hemm Pulizija li setgħu kienu strumentali biex ikun hemm kontroll tad-diżordni li nħolqot u li b’riżultat tagħha weġġgħu diversi żgħażagħ fosthom persuni taħt l-età.

L-enfasi ta’ dan in-nuqqas saħaq dwaru fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, bi tweġiba għal stqarrija tal-Ministru Carmelo Abela, li ta informazzjoni dwar l-inċident li seħħ nhar is-Sibt li għadda f’Paceville.

Simon Busuttil qal li ħa gost li l-Ministru biddel ħsiebu u ddeċieda li jagħmel stqarrija fil-Parlament dwar l-inċident. Aktar kmieni filħgodu l-Ministru qal lill-ġurnalisti li kien se jistenna l-għeluq tal-inkjesta maġisterjali qabel jikkummenta. Filwaqt li feraħ lill-istaff mediku li ħa ħsieb dak li kien hemm bżonn fiċ-ċirkustanzi, Simon Busuttil qal li l-preżenża tal-Pulizija, minkejja żieda, ma kinitx biżżejjed.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq fuq il-ħtieġa li jkunu nfurzati l-miżuri ta’ sigurtà fl-aspetti kollha. Għandu jkun rispettat il-limitu tan-numru tal-persuni preżenti fl-istabbilimenti. Għandu jkun hemm miżuri ta’ ħruġ ta’ emerġenza effettivi kif ukoll atteġġjament xieraq mill-bouncers li jkunu mħarrġa anke kif għandhom iġibu ruħhom f’ċirkustanzi bħal dawn.

Simon Busuttil saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ kontroll effettiv tal-età tal-persuni li jitħallew jidħlu u appella fuq il-ħtieġa li jkun hemm inkjesta indipendenti.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li l-Gvern irid li jkun hemm trasparenza sħiħa u beħsiebu jippubblika l-inkjesta maġisterjali biex jintefa’ dawl fuq dak li seħħ.

Il-Ministru Abela qal li l-inċident seħħ ħin wara li fl-istabbiliment kien hemm ġlieda li damet ftit mumenti biss. Wara din il-ġlieda kien hemm min beda ħiereġ ‘il barra jżomm imnifsejh, iżda oħrajn baqgħu ġewwa jiżfnu. Xi bouncers bdew imexxu n-nies ‘il barra iżda fit-taraġ ma kienx hemm rassa. Din ir-rassa bdiet ġejja aktar tard meta n-nies minn ġewwa bdew ħerġin kollha ‘l barra.

Carmelo Abela qal li dak il-ħin kien hemm 20 pulizija bl-uniformi, u unit mis-sezzjoni tad-drogi. Dawn marru fil-post u ma daħlux ġewwa għaliex ma nħassx il-bżonn. Huma ħadu azzjoni minn barra fejn kienu ħerġin in-nies mill-istabbiliment.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li kien hemm 74 persuna li weġġgħu, 16 ingħataw kura f’Mater Dei u tnejn għadhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Sitta kellhom bżonn intervent kirurġiku.

Hu qal li dan il-każ juri li hemm bżonn li jiħraxu l-pieni għall-ħarsien tar-regolamenti li l-Gvern se jara li dan isir.

Fid-dibattitu dwar l-inċident ikreh li seħħ f’Paceville, tkellmu wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami, id-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Francis Zammit Dimech, il-Prim Ministru Joseph Muscat, id-Deputati Laburisti Deborah Schembri, Silvio Parnis, Deo Debattista u Marlene Farrugia, u l-Ministru Owen Bonnici.