Madwar Derna kien hemm ġlied qalil kontra ġellieda tal-ISIS. Dan hekk kif il-Pentagon ħabbar li dak li jitqies bħala l-kap tal-ISIS fil-Libja nqatel f’attakk mill-ajru Amerikan matul il-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Skont Peter Cook, kelliem tal-Pentagon, Abu Nabil (ritratt), magħruf ukoll bħala Wissam Najm Abd Zayd al-Zubaydi (ritratt) kien meqjus bħala l-kap tal-ISIS fil-Libja u aktarx kien il-persuna li tkellem fil-filmat li fih intwera l-qtil brutali tal-Insara Kopti fil-Libja aktar kmieni din is-sena.
S’issa l-awtoritajiet Libjani baqgħu siekta dwar l-istqarrija Amerikana u ma kien hemm ebda reazzjoni mill-ISIS fil-Libja.
L-ISIS kien daħal f’Derna sena ilu imma f’Lulju tilfu l-kontroll tal-belt wara ġlied qalil ma’ ġellieda ta’ dak li hu magħruf bħala l-Kunsill tal-Mujahedeen ta’ Derna. Huma keċċew l-ISIS miz-zoni ewlenin ta’ Derna imma baqgħu jżommu kontroll ta’ xi zoni.
L-indikazzjonijiet huma li issa bdiet offensiva beix l-ISIS jitneħħew għalkollox mill-belt.
Rapporti lbieraħ qalu li issa l-ġlied kien qed iseħħ fl-inħawi ta’ Al-Fatayeh madwar 20 kilometru minn Derna.
Dan il-ġlied kien ukoll konfermat mill-istess ISIS f’messaġġ fuq Twitter u ħadet ukoll ir-responsabbiltà għal attakki suwiċida li kien hemm fin-Nofsinhar ta’ Derna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Minn Ġunju, l-ISIS qed jikkontrolla wkoll il-belt kostali ta’ Sirte, il-belt fejn trabba Muammar Gaddafi.
Ġlied qalil kontra l-ISIS f’Derna fil-Libja
