Il-President Francois Hollande, f’diskors rari quddiem iż-żewġ Kmamar tal-Parlament miġbura f’Versailles, ħabbar li wara l-attakki ta’ nhar il-Ġimgħa f’Pariġi, Franza kienet uffiċjalment fi stat ta’ gwerra imma insista li Franza ma kinetx beżagħna u kienet se tikkonfronta l-għedewwa tagħha bla ħniena.
L-aħħar darba li President Franċiż laqqa’ l-Parlament f’Versailles kien minn Nicolas Sarkozy fl-2009 minħabba l-kriżi finanzjarja.
Hollande ċċara li din ma kinetx gwerra taċ-ċivilizzazzjonijiet għaliex dawk li wettqu dawn l-attakki ma kienu jirrappreżentaw ebda ċivilizzazzjoni. Hu qal li Franza sfat fil-mira għaliex kienet il-pajjiż tal-libertà u l-benniena tad-drittijiet tal-bniedem.
Hollande wkoll talab bidla fil-Kostituzzjoni Franċiża biex il-pajjiż ikun f’pożizzjoni aħjar li jiġġieled it-terroriżmu u jrid jestendi l-istat ta’ emerġenza bi tliet xhur apparti li jsaħħaħ drastikament il-forzi tas-sigurtà Franċiżi.
Parti kbira tad-diskors kien dedikat għall-bidliet li jrid jagħmel fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż imma mingħajr ma jikkomprometti l-libertajiet tal-poplu Franċiż. Iżda hu qal li Franza riedet kontrolli b’saħħithom tul il-fruntieri tagħha u l-bqija tal-Unjoni Ewropea kif ukoll li se jkun hemm mekkaniżmu biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jkeċċu barranin mill-pajjiż kif ukoll li titneħħa ċ-ċittadinanza Franċiża ta’ dawk involuti f’terroriżmu.
Hollande…din hi gwerra
