It-23 plejer fl-iskwadra nazzjonali ta’ Franza marru l-Ingilterra illum wara li kollha rrifjutaw offerta meta ngħataw l-għażla li jekk iridu jirtiraw mill-iskwadra għall-partita ta’ ħbiberija kontra l-Ingilterra wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi.
Il-kuġina tal-midfielder Lassana Diarra, Asta Diakite, kienet waħda minn 129 persuna li nqatlet il-Ġimgħa waqt li oħt l-attakkant Antoine Griezmann ħelsitha ħafif mit-teatru Bataclan fejn 89 persuna nqatlu.
Iż-żewġ plejers kienu nvoluti fil-partita ta’ ħbiberija li Franza lagħbet kontra l-Ġermanja fi Stade de France, li wkoll kien fil-mira tat-terroristi. Huma jinsabu fl-iskwadra Franċiża.
Il-kowċ ta’ Le Bleu, Didier Deschamps, offra lill-plejers tiegħu li jekk iridu, jirtiraw mill-partita kontra l-Ingilterra hekk kif Franza qed tosserva tliet ijiem ta’ luttu nazzjonali.
Imma ħadd minnhom ma rrinunzja wara li l-Federazzjoni Franċiża wkoll irrifjutat offerta tal-FA Ingliża biex tħassar il-partita u kkontermat li “l-plejers kollha jinsabu l-Ingilterra”.
Intant il-plejers kollha fl-Ingilterra, it-Tnejn osservaw minuta silenzju fl-12 p.m. – li saret madwar l-ewropa kollha – qabel bdew it-taħriġ.
Għal-logħba tal-lum, bħala solidarjetà, l-arkata ta’ Wembley se tkun mixgħula bil-kuluri aħmar, abjad u blu, il-kuluri tal-bandiera Franċiża .
Bosta screens barra l-ground diġà qed juru l-motto ta’ Franza ‘Liberte, Egalite, Fraternite’ u qabel il-bidu tal-partita anke l-kliem tal-innu nazzjonali Franċiż se jkun muri bil-kitba għal dawk li jridu jkantawh.
“Kont jien waħdi li ċempilt biex il-logħba tintlagħab xorta. Wara nformajt lil Deschamps u l-plejers m’għandhom x’jaqsmu xejn li din il-logħba se tintlagħab,” qal il-President tal-FFF Noel Le Graet.
Il-kowċ tal-Ingilterra Roy Hodgson laqa’ b’sodisfazzjoni id-deċiżjoni li l-partita se tintlagħab u qal li l-“futbol jinsab magħqud wara dawn l-atroċitajiet”.
L-FA ħeġġet lill-partitarji biex jaħsbu kmieni għall-Wembley minħabba żieda fl-ispezzjonijiet ta’ sigurtà