Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jressaq għad-dibattitu l-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni nsistiet fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra biex il-Gvern iressaq fil-Parlament ix-xogħol pendenti tal-Oppożizzjoni, b’diversi mozzjonijiet ilhom fuq l-aġenda tal-Parlament aktar minn sena.

Meta l-Gvern ressaq l-aġenda tiegħu għall-ġimgħat li ġejjin, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista talab lill-Gvern jgħid x’inhu l-ħsieb tiegħu dwar ix-xogħol li hemm pendenti u li ressqet l-Oppożizzjoni.

David Agius irrimarka li hemm mozzjonijiet, fosthom dawk dwar żewġ inkjesti b’rabta mal-operat tal-Pulizija li ilha pendenti sa minn Novembru tas-sena l-oħra.

Hemm mozzjonijiet oħrajn importanti għall-Oppożizzjoni, bħalma hi l-mozzjoni b’rabta mal-garanzija bankarja li l-Gvern ta lill-konsorzju li qed jibni l-power station f’Delimara. David Agius semma wkoll l-emendi pendenti tal-Oppożizzjoni għall-Kostituzzjoni, li dwar dan l-Oppożizzjoni tifhem li hemm fehmiet differenti mill-Gvern.

Din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla, il-Parlament se jkun qiegħed jiltaqa’ f’seduti twal li jibdew fis-2pm u jibqgħu għaddejjin sat-8.30pm.

Fil-laqgħa tal-lejla tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, kien hemm qbil biex il-Parlament jiltaqa’ wkoll il-Ħamis li ġej fejn se tiġi diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-persuni b’diżabbiltà, u se tkun qed issir ukoll seduta oħra nhar il-Ġimgħa li ġej li tibda fis-2pm u tibqa’ għaddejja sat-8.30pm.

L-Oppożizzjoni nsistiet fil-Kumitat Parlamentari, biex il-Gvern ma jtawwalx aktar u jressaq il-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni li ilhom pendenti għal ħafna żmien.

Fin-nuqqas tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, li jinsab indispost minħabba kura medika li qiegħed jingħata, l-Oppożizzjoni, li kienet rappreżentata wkoll fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami,