Sport

Il-Maltin jgħaddu kollha għall-fażi tan-Knock-Out

Is-sitt plejers Maltin li qed jieħdu sehem fil-Kampjonati tad-dinja tas-Snooker li qed isiru f’Hurghada fl-Eġittu kollha għaddew mill-gruppi rispettivi tagħhom u se jilagħbu fil-fażi tan-knock-out.

Fil-kategorija tal-Irġiel, iċ-Champion Malti Alex Borg, rebaħ l-aħħar logħba fil-grupp kontra l-Belġjan Peter Bullen 4-0 u temm l-ewwel fi Grupp R. B’hekk Borg kiseb post dirett fl-aħħar 64 u issa jiltaqa’ kontra l- Malti Aaron Busuttil. Il-logħba tintlagħab l-Erbgha fis-1.00pm u tkun l-aħjar minn 7 frames.

Minn Grupp E iż-żagħżugħ Brian Cini tilef l-aħħar logħba kontra l-Eġizzjan Basen Elhattan 4-2 u spiċċa t-tieni wara l-istess Eġizzjan. Madankollu Cini wkoll għadda mal-aħħar 64 u issa jilgħab mal-Indjan Varun Madan fuq l-aħjar minn 7 frames.

Fi Grupp V it-tielet plejer Malti fil-Kampjonat tal-irġiel, Aaron Busuttil temm it-tielet u għadda mal-aħħar 88 wara li għeleb lill-Eġizzjan Abdel Rahman Abel Hamid 4-1 fejn kellu żewġ brejks ta’ 86 u 87. Busuttil għadda mal-aħħar 64 u issa jiltaqa’ kontra l-Malti Alex Borg.

Mill-kategorija tal-Masters, fi Grupp L iċ-Champion Malti Jason Peplow kiseb ir-raba’ rebħa minn daqstant logħbiet u temm fl-ewwel post tal-grupp biex għadda mal-aħħar 32. Huwa għeleb lill-Eġizzjan Ashraf Mannoun 3-0 u għamel brejk ta’ 74 biex issa jiltaqa’ kontra r-rebbieħ bejn Munier Cassim tal-Afrika t’Isfel u l-Ġappuniż Masahiro Harada. Il-logħba tal-aħħar 32 tintlagħab il-Ħamis fl-10am u tkun fuq 7 frames.

Fi Grupp M, Simon Zammit ukoll gġamilhom erbgħa minn erbgħa u spiċċa l-ewwel. Huwa għeleb lit-Tuneżin Haykel Abouda 3-1 u issa fl-aħħar 32 jiltaqa’ kontra r-rebbieħ bejn John Sidetaros tal-Afrika t’Isfel u l-Eġizzjan Maged Shafik. Il-loghba ta’ Zammit tintlaghab ukoll nhar il-Ħamis fl-10am.

Mill-istess kategorija Ivan Attard ikkwalifika minkejja li tilef l-aħħar logħba fil-grupp kontra Phisit Chandri tat-Tajlandja 3-2 u li rebaħ dawn il-Kampjonati sentejn ilu. Attard spiċċa t-tielet u għadda mal-aħħar 48 fejn l-Erbgha jiltaqa’ kontra Wessam Boctor tal-Egittu fuq l-aħjar minn 7 frames.

Il-parteċipazzjoni tal-plejers Maltin f’dawn il-Kampjonati hi possibbli għall-għajnuna mogħtija lill-Malta Billiards & Snooker Association minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.