Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Gvern jagħmel Inkjesta Indipendenti dwar l-inċident gravi li seħħ f’Paceville fi tmiem il-ġimgħa u li ma jħallix Paceville post fejn m’hemmx Liġijiet u fejn kulħadd jagħmel li jrid.
Dan l-appell mill-Partit Nazzjonalista sar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ David Agius u mill-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Matthew Agius.
Beppe Fenech Adami sostna li dan l-inċident seta’ kien evitat li kieku l-Gvern ma żeblaħx il-proposti tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm żieda fin-numru ta’ Pulizija f’Paceeville, kif ukoll biex ikun hemm il-kontrolli meħtieġa.
Dwar l-Inkjesta Indipendenti, Beppe Fenech Adami qal li din għandha ssir għax l-Inkjesta Maġisterjali tista’ ddum perjodu twil ħafna biex titlesta u mhix se tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ David Agius qal li l-Oppożizzjoni hi mħassba li għal darb’oħra, minn post ta’ divertiment, Paceville sar post fejn qed tkun ipperikolata il-ħajja taż-żgħażagħ u l-persuni li jkun hemm jiddevertu.
U l-President tal-MŻPN Matthew Agius appella lill-Gvern biex jieħu l-prekawzjonijiet kollha ħalli Paceville isir post ta’ divertiment, fejn kulħadd ikollu moħħu mistrieħ li mhux se jweġġa’ jew jispiċċa vittma.
//= $special ?>