Impenn mill-Gvern u l-Oppożizzjoni għal aktar ħidma favur il-pazjenti bid-dijabete

Il-ħin tal-aġġornament jinqasam bejn Gvern u Oppożizzjoni biex jitwassal messaġġ komuni li jfakkar il-Jum Dinji dwar id-Dijabete

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni llejla fil-Parlament bagħtu messaġġ wieħed ta’ kunsens favur aktar ħidma fil-Parlament u fuq livell nazzjonali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete u biex jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni.

L-aġġornament tal-lejla fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta tal-lejla, inqasam bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex il-Parlament ifakkar il-Jum Dinji dwar id-Dijabete.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, u d-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia, it-tnejn irrikonoxxew il-ħidma li wettaq il-Working Group fi ħdan il-Parlament li twaqqaf fuq l-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jistudja s-sitwazzjoni tal-kundizzjoni tad-Dijabete f’pajjiżna u jressaq strateġija nazzjonali li tindirizza l-kura u l-prevenzjoni tad-dijabete.

Bħalma d-Deputat Laburista esprima l-ħerqa li l-Gvern jippubblika l-istrateġija nazzjonali dwar il-kundizzjoni tad-dijabete, ix-Shadow Minister ukoll semmiet li l-Oppożizzjoni qed tistenna l-istrateġija tal-Gvern wara x-xogħol li sar fi ħdan il-Working Group Parlamentari.

Claudette

Filwaqt li rrikonoxxiet il-ħafna ħidma u żviluppi li sar f’pajjiżna fil-qasam tal-kura tad-dijabete, fosthom li se jibdew jingħataw b’xejn mediċini ġodda, semmiet li hemm ħafna aktar xi jsir biex jitwettaq il-pjan. Ilmentat li mhux qed jingħataw strips biżżejjed lill-pazjenti biex jittestjaw il-kundizzjoni tad-dijabete.

Semmiet li l-Jum Dinji tas-Saħħa se jkun dedikat lid-dijabete, u dan juri l-importanza li qed tingħaa lil din il-kundizzjoni serja li biha jbatu madwar 10% tal-popolazzjoni Maltija.

Fissret li l-kundizzjoni tad-dijabete torbot lill-familja kollha, u mhux biss lill-pazjent, speċjalment fil-kura ta’ minorenni.
Fakkret li l-abbozz ta’ liġi dwar l-obesità li ressqet l-Oppożizzjoni fid-9 ta’ Ġunju 2014, għandu rabta qawwija mal-kundizzjoni tad-dijabete, għaliex il-ħajja sana u b’saħħitha tiddependi ħafna fuq kemm persuna jirnexxielha tevita l-kundizzjoni tad-dijabete.
Claudette Buttigieg semmiet kif qed jiżdiedu dawk b’dijabete mhux kontrollata, u dawk li qed jaqilbu għall-insulina. Irrimarkat ukoll li l-aktar nies b’riskju ta’ mard tal-qalb huma dawk bil-kundizjzon tad-dijabete.

Filwaqt li appellat għal aktar ħidma biex inkomplu nantiċipaw il-kundizzjoni tad-dijabete, ix-Shadow Minister semmie li hemm rabta bejn l-għażliet li nagħmlu f’ħajjitna u l-kundizjzoni tad-dijabete. Saħqet fuq l-importanza tal-eżerċizzju, tax-xorb ta’ ilma li jnaqqas ir-riskju għall-kundizzjoni tat-dijabete. Hemm ukoll l-għażla importanti li nevitaw it-tipjip minħabba l-konsegwenzi li dan iħalli wkoll fuq id-dijabete.

Claudette Buttigieg irrimarkat li filwaqt li hawn ħafna nies bil-kundizzjoni tad-dijabete li huma b’saħħithom u li qed jagħmlu wkoll suċċess f’ċertu dixxiplini sportivi, l-istess persuni qed jgħaddu minn ħafna diffikultajiet meta jiġu biex japplikaw għal servizzi ta’ assigurazzjoni.

Godfrey farrugia

Id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar sentejn u nofs fil-qasam tad-dijabete.
B’rabta mal-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni għat-twaqif tal-Working Group fi ħdan il-Parlament, Godfrey Farrugia semma l-ħidma li wasslet għad-doklument ‘Health Choices’ li ppreżenta pjan bi tliet mudelli fuq strateġija u strutturi biex titħaddem din l-istrateġija u jkun hemm ukoll inċentivi dwar riċerka.

Semma li l-ħidma parlamentari wasslet biex ikun il-Parlament, permezz tal-Working Group, li jippreżenta dokument għal politika nazzjonali u mhux bħalma jiġri dejjem li jkunil-Gvern waġdu li jippre’enta politika lill-Parlament għall-approvazzjoni.
Dan wassal, kompla Godfrey Farrugia, biex bil-parteċipazzjoni tal-istakeholders il-Parlament jippreżenta hu l-ideat lill-Ministeru dwar politika u strateġija nazzjonali li tindirizza l-bżonnijiet tal-pazjent u biex ikun hemm miri ta’ prevenzjoni.