Lokali

Is-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp tiċħad allegazzjonijiet dwar encroachment

Is-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp tal-Ħamrun qatt ma kkomunikat mal-Ministru responsabbli mill-Artijiet iżda kitbet lill-Kummissarju tal-Artijiet dwar basement tal-Gvern li ngħata lis-soċjeta’ għal użu temporanju bħala encroachment.

Fi stqarrija bi kjarifika dwar basement tal-Gvern li ngħata b’encroachment u li ssemma f’rapport tal-Awditur Ġenerali, is-Soċjeta’ San Ġużepp qalet li kienet saret talba bil-miktub lill-Gvern fil-11 ta’ Lulju 2012 biex jinħareġ permess għal dan il-basement propjeta’ tal-Gvern biex tkun tista’ taħżen l-armar tal-festa. Dan wara li kull maħżen li sabet għal kiri jew xiri mill-privat, is-soċjeta’ intalbet tħallas eluf kbar f’kirjiet u xiri.

Is-Soċjeta’ ikkonfermat li l-permess eventwalment inħareġ mid-Dipartiment tal-Artijiet fil-5 ta’ Marzu 2013.

Is-Soċjeta’ qed tiċħad l-allegazzjonijiet li saru f’xi sezzjoni tal-media li allegat li s-Soċjeta’ San Ġużepp ibbenefikat minn xi ħaġa li ma saritx sew, jekk mhux ukoll minn xi favur peress li ngħatat b’encroachment dan il-basement.