Lokali Parlament

L-Ispeaker mitlub jinvestiga jekk tweġibiet tal-Prim Ministru humiex veritiera

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus talab lill-Ispeaker jinvestiga jekk tweġibiet li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament, humiex veritiera fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li analizza l-permessi ta’ encroachments fuq art pubblika mogħtija fix-xahrejn ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, id-Deputat Nazzjonalista rrimarka mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, li r-rapport tal-Awditur Ġenerali sar wara talba tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex janalizza l-permessi ta’ encroachments fuq art pubblika mogħtija fix-xahrejn ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Il-Prim Ministru Muscat kien akkuża lil Jason Azzopardi li fix-xahrejn ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, ta aktar minn 100 encroachment. Fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, instab li f’xahrejn, Jason Azzopardi bħala l-Ministru responsabbli mil-Lands, iffirma biss 13. F’dawn it-13-il encroachment, l-Awditur Ġenerali ma sab ebda illegalità kif kien allegat minn Joseph Muscat.

Quddiem din it-talba li saret lill-Ispeaker, il-Ministru Owen Bonnici ddefenda r-risposti li ta l-Prim Ministru u qal li fir-rapport tal-Awditur, ċertu permessi kellhom multiple encroachment u li skont hu, kien għalhekk li r-rapport jasal għal dawk in-numri għaliex ċertu permessi tqiesu f’daqqa.