In-nuqqas ta’ inkjesta dwar il-ħruġ ta’ permessi għal residenza u ħruġ ta’ visas qiegħed iżid u mhux inaqqas it-tħassib
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Gvern iħaddem sistemi kif nagħtu permessi ta’ residenza u ta’ visas li huma b’saħħithom u mhux li ddur magħhom billi xi ħadd ixaħħam lil xi ħadd.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikjara fil-Parlament li l-aġir tal-Gvern li jibqa’ jwebbes rasu u ma jilqax l-appelli għal inkjesta indipendenti dwar il-ħruġ ta’ permessi għal residenza u ħruġ ta’ visas qiegħed iżid it-tħassib u l-inkwiet tal-poplu Malti u mhux inaqqas il-preokkupazzjonijiet.
Meta llejla fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-istqarrija li għamel il-Prim Ministru b’rabta mal-attakki terroristiċi fi Franza l-ġimgħa li għaddiet, saħaq li dan it-tħassib serju tal-Oppożizzjoni hu leġittmu għax qiegħed ukoll jinkwieta lil ħafna Maltin.
Ħruġ ta’ 7,000 visa fl-Alġerija f’sena u nofs b’mod li jqajjem suspetti kbar
Jekk hemm permessi għar-residenzi li huma miftuħa għall-abbuż, dan joħloq tħassib għaliex imur kontra s-sens ta’ sigurtà li l-Prim Ministru jrid jipproġetta.
Simon Busuttil qal li jekk il-Gvern jippermetti li jagħti 7,000 visa f’sena u nofs b’mod li jqajjem suspetti kbar, għall-Oppożizzjoni u għal ħafna nies dan hu ta’ tħassib.
Messaġġ ta’ solidarjetà mal-vittmi f’Pariġi
Fil-Parlament, Simon Busuttil ingħaqad mal-Prim Ministru f’messaġġ ta’ solidarjetà mal-vittmi fuq l-attakk faħxi li seħħ f’Pariġi u lill-poplu kollu Franċiżi.
Semma wkoll pajjiżi oħrajn bħal Libanu li kien ukoll il-mira ta’ attakki terrositiċi fejn inqatlu wkoll madwar 40 ruħ. Filwaqt li qal li hu diffiċli li jsib kliem quddiem dawn l-atti ta’ stmerrija, dak li seħħ fi Franza laqat lid-dinja kollha u lil ħafna nies minn ħafna pajjiżi differenti.
L-attakk fuq Pariġi jista’ jitqies bħala 9/11 tal-Ewropa
Sejjaħ li l-attakk li seħħ f’Pariġi, jista’ jitqies bħala 9/11 tal-Ewropa għaliex wara l-attakk feroċi terrorista, l-affarijiet mhux se jibqgħu l-istess hekk kif Franza tinsab fi stat ta’ emerġenza u fi stat ta’ gwerra – f’liema stat kienet ilha ma tkun fih mill-aħħar gwerra dinija. Simon Busuttil sejjaħ l-Istat Islamiku bħala l-għadu numru wieħed għaċ-ċiviltà tagħna.
Jaqbel mal-Prim Ministru li t-terroristiċi qed jippruvaw idaħħlu sens ta’ biżà, u qed jippruvaw ibiddlu u jeħdulna l-libertà tagħna, inkluż li nivvjaġġaw b’mod ħieles fil-pajjiżi tal-UE kif juri l-Patt ta’ Schengen li fih hemm 25 pajjiż bil-libertà ta’ moviment mingħajr dokumenti u li jwassal għat-tneħħija tal-fruntieri.
Spjega wkoll li hekk kif it-terroristi qed jippruvaw jeħdulna din il-libertà, numru ta’ pajjiżi qed jieħdu azzjoni biex jissospendu d-dritt għal-libertà li niċċaqilqu b’mod ħieles. Malta wkoll, issospendiet ukoll għal perjodu qasir din il-libertà.
Ma nċedux quddiem it-terroriżmu
Filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu dwar jekk hux se nerġgħu mmorru għall-fruntieri u dwar jekk il-libertà li ġġilidna għaliha se tintitlef, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li biex negħlbu din l-isfida daqstant kbira u diffiċli tat-terroriżmu, irridu nirrifjutaw li nċedu quddiem it-terroriżmu, speċjalment meta jridu jeħdulna l-libertà u jbiddlu l-istil ta’ ħajja tagħna.
“Jekk inċedu nkunu tlifna l-gwerra”, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni li rrimarka wkoll li rridu nagħmlu l-parti tagħna wkoll hekk kif l-Oppożizzjoni diġà esprimiet mal-Gvern it-tħassib serju fuq il-kontroll tal-Gvern fuq il-fruntieri Maltin, inkluż fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u ta’ visas.
Irrimarka wkoll li l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Prim Ministru jerfa’ r-responsabbiltà u li s-sigurtà tal-poplu tiġi mħarsa.
Ebda Maltin vittmi tal-attakki f’Pariġi
Fi stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ l-attakki terroristiċi fuq Franza bħala attakk fuq l-Ewropa u fuq id-dinja. Filwaqt li qal li ma jirriżultax li kien hemm Maltin milquta fl-attakki, Muscat qal li m’hemm ebda theddida magħrufa fil-konfront ta’ Malta u se jkompli jaħdem biex tiżdied ukoll is-sigurtà fuq livell ta’ prevenzjoni. Il-Gvern Malti se jkompli għaddej bl-organizzazzjoni tas-summit taċ-CHOGM.
Se jibqgħu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet tal-Valletta Summit
Il-Prim Ministru appella għal kawtela hekk kif qal ukoll li r-restrizzjoniijet ta’ pajjiżna li applikaw waqt il-Valletta Summit, se jibqgħu fis-seħħ matul din il-ġimgħa bħala miżura ta’ prekawzjoni biex ikun hemm aktar serħan il-moħħ għall-poplu.
Fisser ukoll li l-attakki terroristiċi qed jattakkaw ukoll dak li nbena fl-aħħar snin fl-għaqda tal-Ewropa, u kif issa hemm bżonn ta’ bidliet fosthom fir-rigward tal-moviment tal-persuni biex jitwaqqfu dawk li jistgħu jkunu ta’ periklu għas-soċjetà waqt li nibqgħu nżommu mal-prinċipji.
X’qiegħed jagħmel il-Gvern biex jidentifika persuni li ġejjin minn ħsibijiet radikali u estremisti?
Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Politika tal-Mediterran. Irrifera għall-attakki wkoll li seħħew fl-Eġittu u fil-Libanu hekk kif irrimarka li dawk li qed jinżammu mill-Pulizija Franċiża, huma ċittadini Ewropej u jgħixu fl-Ewropa – tliet Franċiżi u tnejn Belġjani, b’suspett wieħed li hu mis-Sirja. Staqsa lill-Gvern x’qiegħed jagħmel biex jidentifika persuni li ġejjin minn ħsibijiet radikali u estremisti, u kif il-Gvern qed iħares biex isaħħaħ is-servizzi ta’ sigurtà f’pajjiżna.
Alġerini bbukkjaw lukandi f’Malta li ma użawx
Dwar il-ħruġ ta’ visas minn pajjiżna, id-Deputat Nazzjonalista staqsa jekk hux se jagħmel audit ta’ dawk il-lukandi f’Malta li fihom Alġerini bbukkjaw lukanda u ma użawx. Saħaq li jirriżulta li hemm lukandi li kellhom bookings minn Alġerini li ma tfaċċawx.
Il-Prim Ministru se jżur l-Alġerija
Fir-risposta tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-gvern Franċiż m’għandu ebda riserva dwar il-ħruġ ta’ visas mill-konsolat Malti fl-Alġerija, u saħaq li hu kburi li din il-ġimgħa se jmur l-Alġerija għal-laqgħat mal-President u mal-Prim Ministru tal-Alġerija, pajjiż li qal li għandu kwistjonijiet bħal pajjiżi oħajn fir-reġjun.