Lokali

Leġiżlazzjoni biex tipproteġi lill-vittmi tal-kriminalità mhix qed tiġi implimentata fil-prattika

Il-leġiżlazzjoni li għaddiet f’April li għadda biex tipproteġi lill-vittmi tal-kriminalità mhix qed tiġi implimentata fil-prattika għax ħafna miżuri mhumiex effettivi.

Dan sostnietu ċ-Chairperson ta’ Victim Support Malta Roberta Lepre waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha qalet ukoll li jirriżulta li fl-2014, f’Malta kienu rrappurtati 16,648 każ ta’ kriminalità, li minnhom Victim Support Malta ħadmet fuq 76.

Roberta Lepre appellat għall-koperazzjoni bejn l-entitajiet li jipprovdu s-servizzi lill-vittmi tal-krimini, fosthom l-Isptarijiet u l-Pulizija. Sostniet li l-implimentazzjoni tal-Liġijiet hi problematika u għalhekk għandha tissaħħaħ il-kordinazzjoni bejn l-entitajiet.

Iċ-Chairperson ta’ Victim Support Malta appellat ukoll għal taħriġ lill-Uffiċjali li jkunu f’kuntatt mal-vittmi tal-kriminalità biex dawn jifhmu b’mod sħiħ il-Liġi l-ġdida.

Sadanittant, il-konferenza kienet indirizzata wkoll, permezz ta’ video message, mill-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola.